L-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil pretenda li jirċievi kumpens finanzjarju bħala parti mil-kawża biex tinfetaħ inkjesta inġenere fil-Panama Papers. Irraportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd li qalet kif Busuttil ried idaħħal il-flus mill-Istat għax ilmenta li d-drittijiet tiegħu ġew miksura, anka jekk finalment il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti qaltlu li dak kollu li allega kien mibni fuq spekulazzjoni u ma kellux provi.
Il-gazzetta fakkret li kienet il-Qorti Kostituzzjonali li iddeċidiet li l-Imħallef Antonio Mizzi kellu jkompli jmexxi l-każ. Għalkemm iktar qabel l-Imħallef Joseph McKeon kien iddeċieda mod ieħor, id-deċiżjoni nbidlet b’appell quddiem tliet imħallfin li flimkien iddeċidew li Busuttil ma kellux raġun.
Li kien hemm qbil dwaru l-ħin kollu kien dak li Busuttil ma kellu ebda dritt ghall-kumpens. Xi ħaġa li ma setax iniżżilha tant li kien anke daħħal appell permezz tal-Avukat Jason Azzopardi biex jinsisti li ried il-flus mill-Istat.
Il-Qorti Kostituzzjonali mhux talli ma bidlitx l-imħallef kif ried hu iżda talli spjegat ukoll għalfejn ma kellu ebda dritt ta’ kumpens finanzjarju.
Għax fuq kollox irriżulta li mhux talli ma kienx vittma imma li l-vittmi kienu dawk li mar il-Qorti jagħmel spekulazzjonijiet dwarhom f ’każ li seta’ kellu konsegwenzi serji.
Tant li din il-ġimgħa l-Qorti Kriminali ċaħdet it-talba ta’ Busuttil biex ikunu investigati numru ta’ persuni fosthom il-Prim Ministru, il-Ministru għat-Turiżmu u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, biex b’hekk Busuttil reġa’ tilef fil-Qorti.
Filwaqt li għal darb’oħra rriżulta li meta fl-2017 Busuttil kien ġej u sejjer il-Qorti mgħobbi bil-boxfiles, dawn ma kellhom l-ebda provi.
Fil-fatt tul is-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Busuttil “għamel biss allegazzjonijiet” u semma biss persuni mingħajr ma indika bid-dettall il-fatti tar-reati li allega. Minkejja s sentenza cara tal qorti Busuttil rega darb ohra attakka d decizjoni finali tal qorti ghax ma ddecidtx kif pretenda li tiddeciedi.