Simon Busuttil qal li se jħallas għal xogħol li ħadu minn Kasco Group ghada, wara tliet snin ma jħallsux lil din il-kumpanija kummerċjali.
“Għada filgħodu nibgħatulek iċ-ċekk Kastilja”: Hekk hija intitolata stqarrija tal-Partit Nazzjonalista – Partit li jaspira li jkun fil-Gvern, li iżda jħallas tas-servizz li ħa b’inkejja u tisbit tas-saqajn… u tliet snin tard.
“Għada filgħodu, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibgħat ċekk Kastilja biex jagħti dak dovut lill-kumpanija ta’ Keith Schembri bħala sinjal ċar ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista ma jibżax mit-theddid ta’ Keith Schembri, li aktar kmieni din il-ġimgħa, permezz tal-kumpanija tan-negozju tiegħu, bagħat ittra ta’ theddida lill-media tal-Partit Nazzjonalista.”
Kliem li l-Partit Nazzjonalista tennieh kemm permezz ta’ stqarrija u anke fuq ir-rajdu, meta tkellem Simon Busuttil.
L-‘ittra ta’ theddida’ li jirreferi għaliha l-Partit Nazzjonalista hija ittra uffiċjali bil-Qorti. Fiha jingħad li jekk il-Partit Nazzjonalista ma jħallasx is-somma ta’ €121,000 dovuta lil kumpanija Kaso Ltd, jittieħdu l-passi stabbiliti skont kif titlob il-liġi ta’ Malta.
Iktar minn hekk, jhedded lil min qal li ‘heddu’ u jgħidlu, “mhux se nibzgħu minnek”. Kliem li ċertament ma jixraq Kap tal-Oppożizzjoni, qal kelliem għall-Partit Laburista.
Agħar minn hekk, Simon Busuttil naqas milli jiddistingwixxi bejn kumpanija u individu, tant li ma fehemx li ċekk li jibgħat ċekk lil Keith Schembri f’Kastilja jkun inutli, għaliex id-dejn tal-PN huwa ma’ kumpanija privata.