Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ daħal jitkellem waqt il-maratona ġbir ta’ fondi.
Filwaqt li reġa’ attakka d-DB Group, l-investituri tas-sit ITS, ma spjega xejn mill-istqarrija li ħareġ il-grupp illejla. Fiha kien żvelat li d-DB Group kienu qed iħallsu s-salarji ta’ Rosette Thake, Segretarju Ġenerali tal-PN u Brian St John, Kap Eżekuttiv. Dan fost donazzjonijiet oħra li saħansitra baqgħu jintalbu sal-bieraħ.
Simon Busuttil qal li mhux għall-bejgħ u tenna li jrid inaddaf il-politika. Iżda minkejja dan, ma ta ebda dettalji fuq id-donazzjonijiet li daħlu għandu u li skont dak żvelat mill-grupp jistgħu jitilgħu għall-mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn meta laħaq Kap hu.
Busuttil ma wieġeb xejn l-anqas mill-mistoqsijiet li għamillu l-Partit Laburista. Il-Partit Laburista staqsa:
“Lest jiddikjara llejla stess x’deal kellu Simon Busuttil u l-PN ma’ dan il-grupp? Kemm ħa flus il-Partit Nazzjonalista ta’ Busuttil mingħand il-grupp kemm ilu Kap tal-PN l-istess Busuttil?”
Iżda, għal dan Simon Busuttil ma’ wieġeb xejn.
Fuq kollox il-Partit Laburista nnota wkoll li “Fl-istess ħin li Busuttil kien qed jgħid lil Mario de Marco jieqaf jagħmel xogħol legali lill-DB group, wara li nqabad, hu ma qalx li kellu deal mal-istess grupp bħala partit u li ħa mijiet ta’ eluf.”