Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, uża d-diskors fl-Isla biex attakka l-inkjesta dwar l-allegat indħil politiku f’każ ta’ droga f’Għawdex. Inkjesta li uriet li max kien hemm ebda indħil politiku fil-każ. Iżda, iktar minn hekk uriet li lanqas inbidlu stqarrijiet li saru mal-pulizija kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ilu jallega ġimgħat.
Fil-fatt l-inkjesta uriet li l-persuni involuti fil-każ ta’ droga li ssemma lkoll tressqu l-Qorti. Iżda quddiem il-fatti, Simon Busuttil għażel li jattakka l-inkjesta. “Suppost inkjesta. Suppost indipendent,” qal Busuttil li żied jgħid li dan “ir-rapport kien falz mill-bidu.” “Dan x’ċermen hu. Din x’inkjesta hi. Din fażulla,” qal Busuttil li żied li min allegatament traffika d-droga ħelisha.
Busuttil qal dan anke jekk joħroġ b’mod ċar li t-tliet persuni involuti kollha tressqu l-Qorti, fejn saħnsitra tnejn għandhom sentenza u wieħed għadu għaddej bil-proċeduri kontra tiegħu. Intant, Busuttil, iddedika parti sostanzjali mid-diskors tiegħu fl-Isla biex jgħid li Malta m’għadiex post sigur.
Biex għamel dan il-Kap tal-Oppożizzjoni uża każi riċenti fejn dwarhom diġa’ hemm nies il-Qorti jew għaddejja investigazzjoni, fosthom dak ta’ qtil u allegat attentat ta’ abort f’dar fis-Swieqi. “F’pajjiżna hawn kollass totali tal-ordni u s-sigurtà,” qal Simon Busittil li qal li l-Maltin qed jibżgħu joħorġu barra.
Skont hu “M’għadx għandhom is-sigurtà li jibqgħu safe.” Imbagħad fl-Isla ma naqsitx in-negattivita tas-soltu. Meta tkellem dwar l-ekonomija u l-investiment, Simon Busuttil qal: “Dan hu gvern li hu shortsighted wisq.”