Għall-ftit tal-minuti llejla il-Kap tal-Oppożizzjoni sar Ministru. Almenu skont in-nies fl-uffiċċju informazzjoni tiegħu li tgħidx x’paniku qabadhom meta kienu mgħarrfa li għandhom ‘gaffe’ oħra xi jżidu mal-ħafna li diġà għamlu.
Tmien sigħat wara li l–Prim Ministru għamel stqarrija ministerjali fil-Parlament, l-uffiċċju informazzjoni tal-PN ħareġ ir-reazzjoni ta’ Busuttil, li kienet tgħid “stqarrija ministerjali mill-Kap tal-Oppożizzjoni.”
Dlonk intebaħ uffiċjal tal-PN li ġibed l-attenzjoni u qal li billi titkellem fi stqarrija ministerjali ma jfissirx li tkun għamiltha int. Għalhekk ħarġet korrezzjoni fejn intqal li sar diskors mill-Kap tal-Oppożizzjoni. U bl-istqarrija fl-inbox tal-ġurnalisti mal-ewwel reġgħet qabdet id-diskussjoni ta’ min hu t-tort ta’ din l-aħħar gaffe mill-PN. Bi mkejjen jgħidulna li kull stqarrija li toħroġ jaraha l-Kap.