Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, reġa’ ma rnexxielu jnaqqas xejn mid-distakk ta’ fiduċja li għandu mal-Prim Ministru Joseph Muscat. L-aħħar ‘trust barometer’ kien ippubblikat dalgħodu wara ġimgħat fejn il-Prim Ministru saħansitra ffaċja mozzjoni ta’ ċensura fil-konfront tiegħu u kampanja qalila mill-midja tal-Partit Nazzjonalista u alleati oħra tal-istess partit.
Minkejja dan il-Prim Ministru żamm id-differenza ta’ 7% fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan għax anke jekk il-Prim Ministru naqqas xi ftit mill-fiduċja f’dan il-mument ta’ sfida, meta ħa wkoll azzjoni fil-konfront ta’ Ministru minn tiegħu. Minkejja dan, Simon Busuttil spiċċa naqqas iktar fiduċja mill-Prim Ministru.
B’hekk, dejjem skont dan it-trust barometer xjentifiku, 39.8% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ qalu li jafdaw l-iktar lill-Prim Ministru u 32.6% lill Simon Busuttil.
Hemm 10.4% li qalu ma jafux u 17.2% lil ħadd. Joseph Muscat mhux biss saħħaħ postu ma’ dawk li fl-2013 ivvotaw lill-Partit Laburista, iżda baqa’ wkoll fuq quddiem fost dawk meqjusa switchers.
Intant, l-istħarriġ reġa’ qal li li kieku kellha ssir elezzjoni għadha kien jirbaħha l-Partit Laburista.