Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, ma ċaħadx dak żvelat minn ONE NEWS illejla li kien hu li direttament talab il-flus lil Silvio Debono tad-DB Group.
ONE NEWS żvela li l-ewwel talba kienet fis-sajf tal-2013 u din kienet speċifika għas-salarju tas-segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. It-tieni talba kienet fis-sajf ta’ wara għas-salarju tal-Kap Eżekuttiv.
Fi stqarrija llejla Busuttil qal: “Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ma ħarabx mill-emergency exit kif jagħmel Joseph Muscat. Iffaċċja lill-media għal darba, darbtejn u wieġeb il-mistoqsijiet kollha dwar id-donazzjonijiet u l-ħlas li għamlu l-kumpaniji ta’ Silvio Debono lill-Partit Nazzjonalista u lill-kumpanija Media.link Communications. Anzi, kien il-Partit Nazzjonalista stess li żvela dawn id-dettalji għax m’għandux x’jaħbi.”
Imkien, fl-ebda linja, ma ċaħad dak żvelat minn ONE NEWS li kien hu li ħoloq l-iskema pagi PN.
L-uniku ċaħda kienet ta’ Chris Said li qal li ma ħa ebda salarju. Biex issa qed jirriżulta li għalkemm Busuttil talab u ngħata l-flus għas-Segretarju Ġenerali, fi żmien Chris Said dawn setgħu ntużaw għal nies oħra.
Intant, il-Partit Laburista qal li Busuttil falz. “Kien hu stess li nnegozja mad-DB biex jitħallsu l-pagi tal-ogħla uffiċjali tiegħu,” qal il-Partit Laburista.
Żied li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikompli jikkonferma dejjem kemm huwa falz meta kien huwa stess li nnegozja mad-DB biex jitħallsu l-pagi tal-ogħla uffiċjali tiegħu fil-Partit Nazzjonalista fis-sajf tal-2013, ftit wara li laħaq Kap tal-PN.
“B’sistema li ħoloq huwa stess, sistema ta’ invoices foloz għal servizzi u arranġamenti li ma jeżistux, il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti. L-istess kif qed jagħmel bl-iskema ta’ dejn sigriet li tinċentiva l-ħasil tal-flus,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista temm jgħid li Simon Busuttil li ma’ kull minuta li qed tgħaddi qed jidher bl-aktar mod ċar kemm qed jigdeb għandu jgħid jekk għandux sitwazzjonijiet oħra ta’ impredinturi oħrajn li qed iħallsu aktar pagi fil-Partit Nazzjonalista.