Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien wieħed mill-aħħar politiċi fil-Partit Nazzjonalista li wiegħdu l-proġett ta’ Crafts Village.
Proġett li minkejja wiegħda wara l-oħra baqa’ ma twettaqx, tant li kien biss l-Erbgħa li tħabbar li nkisbu fondi għalih.
Il-Crafts Village, Simon Busuttil wiegħdu fl-elfejn u tmienja meta kiteb il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista u qal li kellu l-fondi għalih. Saħansitra Busuttil kien webbel lil kulħaddli la l-konvenji u l-pjanti kienu lesti kollox kien se jibda u li l-proġett kien se jkun lest fl-elfejn u tnax.
Busuttil kiteb hekk: “Dan il-villaġġ sejjer jinbena mill-ġdid f’għamla ta’ raħal Malti, b’faċilitajiet moderni għall-parking, ċentru ta’ informazzjoni, pjazez u landscaping. Ix-xogħlijiet tat-toroq u spazji pubbliċi se jkunu iffinanzjati minn fondi mill-Unjoni Ewropea. Huwa mistenni li l-proġett kollu, li hu stmat li se jqum mat-€28 miljun se jiehu madwar erba’ snin biex jitlesta.”
Iżda, l-2012 ġie u mar u l-proġett mhux talli ma kienx lest. Iżda, talli lanqas inbeda.
B’hekk, il-kelma ta’ Simon Busuttil, swiet daqs tal-eks Ministru Francis Zammit Dimech fl-elf disgħa mija tnejn u disgħin, jew l-eks Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-2006, fost oħrajn.
Għax il-wegħdi dwar dan il-proġett imorru lura erbgħa u għoxrin sena, kif ikkonfermaw is-sidien tan-negozji fil-Crafts Village meta l-Erbgħa laqgħu bi ħġarhom lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg li seta jħabbrilom li l-proġett se jsir b’investiment ta’ madwar erbatax -il miljun ewro.
Madwar ħamsin intrapriża ser jirċievu sapport waqt li huwa previst li jkun hemm żieda ta’ madwar sbatax – il impjieg ġdid ma’ dawn l-intrapriżi eżistenti waqt li ser jespandu u jkabbru l-attività tagħhom.