Il-Qorti tgħid li d-deċiżjoni hija finali u ma jeżisti l-ebda limbu legali ‘la ħaj u lanqas mejjet’
Il-Qorti reġgħet għal darb’oħra ċaħdet rikors tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-MEP David Casa fi proċeduri li huma fetħu fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri fejn reġgħu talbu inkjesta oħra, minkejja li l-Qorti diġà għamlitha ċara f’deċiżjoni oħra li l-allegazzjonijiet li saru kienu konġetturi u ma kienx hemm bażi ta’ inkjesta.
Din il-Qorti qalet illi ma jeżisti “ebda limbu legali u ġudizzjarju la ħaj u lanqas mejjet” fid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Qrati fir-rigward tat-talbiet li saru mid-Deputat Busuttil u l-Membru Parlamentari Ewropew Casa.
Il-Qorti tgħid li “d-digriet li għamel l-istess Maġistrat Inkwerenti fil-21 ta’ Mejju 2018 m’għandu ebda ħtieġa li jingħata eżistenza legali/ġudizzjarja, awtonoma u indipendenti mid-digriet tal-Maġistrat Dr Ian Farrugia”, u dan peress li t-talba ta’ Simon Busuttil u David Casa kif magħmula fir-rikors tagħhom tal-20 ta’ April 2018, kienet ġiet miċħuda, u din id-deċiżjoni hija waħda finali minħabba li skont il-liġi ma jista’ jsir ebda appell minnha.
Din hija deċiżjoni ta’ Qorti oħra li tiċħad it-talbiet li saru minn Simon Busuttil u David Casa.
Din id-deċiżjoni tal-lum ingħatat biss ftit jiem ’il bogħod minn deċiżjoni oħra li tat l-istess Qorti fejn il-Qorti Kriminali kienet ċaħdet it-talba ta’ Simon Busuttil biex ikunu investigati numru ta’ persuni, fosthom il-Prim Ministru, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Għal darb’oħra rriżulta li meta fl-2017 Simon Busuttil kien ġej u sejjer il-Qorti kien qed jagħmel dan mingħajr provi f’idejh.
Dakinhar in-nuqqas ta’ provi li ressaq Busuttil kien deskritt bħala li jikkwalifika għal spekulazzjoni u konġetturi.
B’reazzjoni, il-Gvern qal li bħal dejjem, il-Gvern jirrispetta l-Qrati ta’ Malta, l-indipendenza tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom, u jittama li ħaddieħor jagħmel l-istess.