Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi ikkonferma lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti li mhux lest jirtira l-kliem “Owen Bonnici jinqabad jigdeb lill-Parlament”. Għalhekk l-Ispeaker Anġlu Farrugia se jgħaddi l-każ lill-Kumitat tal-Privileġġi.
Mhux talli hekk, talli l-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Ispeaker li r-ruling kontra Azzopardi kellu japplikah ukoll lilu. Simon Busuttil kompla jżid mal-allegazzjonijiet li ma ngħatax raġun tagħhom Azzopardi, billi qal li l-Ministru Bonnici qed jipprova jagħmel sarima lill-Oppożizzjoni. Il-Ministru Bonnici ċaħad dan u qal li s-sarima ipprova jagħmilha Azzopardi meta fl-2010 qajjem każ taż ksur ta’ privileġġ kontra ġurnalista.
Jumejn ilu ruling tal-ispeaker Anġlu Farrugia ta raġun lill-Ministru għall-Ġustizzja. Azzopardi qal li l-Ministru gideb meta xehed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi dwar il-kuntratt bejn il-Gvern u Henley & Partners b’rabta mal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment.
L-ispeaker qal li meta kkummenta fuq twitter li Bonnici gideb, Azzopardi ma rax ix-xhieda kollha ta’ Bonnici. “Is-sedja lanqas jidrilha li l-onorevoli talab xi forma ta’ kjarifika,” qal l-ispeaker fir-ruling tiegħu li ddeskriva d-diskors ta’ Azzopardi bħala mhux aċċettabbli fil-lingwaġġ parlamentari.
Fid-dawl li Azzopardi ma kienx fil-kamra fil-ħin li nqara r-ruling, l-ispeaker Farrugia tah l-opportunita li jirtira l-kliem li qal sal-ewwel seduta li jkun disponibbli, ċioe illum.