F’intervista fuq Radio 101 il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qal li hu kburi bil-vot kontra n-nomina ta’ Leo Brincat mid-deputati nazzjonalista fil-Parlament Ewropew. Wara li nhar it-Tnejn qal li ħa gost li l-popolari se jivvotaw kontra, illum qal li b’dan l-aġir ħadem favur Malta.
Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni minkejja li ftit tax-xhur ilu, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista, David Casa kien qal li se jaħdem favur il-kandidatura ta’ Leo Brincat. Anke jekk kien approvat mill-kumitat tal-baġit, Simon Busuttil qal li Brincat għandu jirtira n-nomina tiegħu u żied li l-Awditur Ġenerali jew l-Ombudsman ikunu kandidati aħjar minnu.
Intant, fl-intervista Simon Busuttil qal ukoll li m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija. Dikjarazzjoni li issa ilu jagħmilha għal diversi ġimgħat.