Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, ilmenta fil-Parlament għaliex l-uffiċċju tal-Ispeaker talab lid-deputat indipendenti, Marlene Farrugia, temenda l-mozzjoni tagħha fil-konfront taċ-chief of staff tal-Prim Ministru.
Hu għamel dan biex il-mozzjoni tkun amissibbli u tista’ tiġi diskussa. Jirriżulta li skont deċiżjoni tal-ispeaker, il-Parlament ma jistax jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ xi ħadd li ma jkunx preżenti fil-kamra. Busuttil semma l-każ ta’ Richard Cachia Caruana, eks-ambaxxatur ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Hawn Simon Busuttil argumenta li kien hemm preċedent, iżda l-ispeaker jaħsibha differenti. “Ma naqbilx miegħek. M’hemm ebda preċedent,” qal Anġlu Farrugia li fakkar kif dakinhar ħadd ma kkontesta l-mozzjoni. Simon Busuttil beda jgħid lil Farrugia li kien hu li ressaq mozzjoni kontra Cachia Caruana u l-ispeaker kellu jikkoreġih. Intant, intervjena wkoll il-Ministru tal-Ġustizzja.
“Hija ċara li mhix amissibbli,” qal Owen Bonnici. “Jekk nimxu mal-idea li jidħol id-dritt li wieħed jaqbad u jagħmel mozzjoni hekk, biex ineħħi lil xi ħadd li m’għandux grazzja miegħu, il-Gvern ikollu l-poter tan-numri u jista’ jwassal biex jittieħdu passi li jkunu bbażati fuq motiviazzjoni politika” qal Bonnici, li żied li l-persuni li ssemmew huma differenti.
Bonnici qal ukoll li Richard Cachia Caruana jokkupa kariga li toħroġ mill-kostituzzjoni.
Arroganti u urtat bħal ħafna drabi, Busuttil baqa’ juża lil Richard Cachia Caruana biex jagħmel l-argument tiegħu, anke wara li talab ruling.