- L-establishment fil-kontroll tal-proċess għall-ħatra ta’ kap
- Ma jeżistux it-23,000 elIġibbli li semma Simon Busuttil
Il-Partit Nazzjonalista għad irid jiftiehem ir-regoli li bihom l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qed jgħid li se ssir l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit. Għax dawn ma jirriżultawx mill-istatut tal-istess partit. B’hekk, spjegaw sorsi fil-Partit Nazzjonalista, waħda mill-ewwel affarijiet li jrid jagħmel l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista hi li jara li jimplimenta l-ħsieb li qabel it-tesserati tal-Partit jivvotaw, il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jniżżel il-kandidati għal tnejn kif ilu jgħid li se jiġri Simon Busuttil. “Din mhix ċara u ħafna ma jistgħux jifhmu kif Busuttil qed jagħmilha bħala fatt meta għal din għad hemm bżonn l-approvazzjoni tal-istrutturi tal-partit. Forsi jkun hemm min irid li jagħżlu t-tesserati mill-bidu sal-aħħar,” qalu s-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali li nnotaw kif l-establishment se jipprova jħalli barra mill-ewwel stadju kandidati li mhumiex favoriti miegħu bħad-deputat Claudio Grech. Deputat li lmenta li l-istess establishment ried iħallih barra mill-Parlament.
L-istatut tal-Partit jgħid li l-Konvenzjoni Ġenerali li tagħha huma membri t-tessertati tal-partit teleġġi lill-Kap u lill-Viċi Kapijiet u li dan għandha tagħmlu fl-ewwel tliet xhur tal-leġiżlatura. B’hekk it-terminu li semma Simon Busuttil li jrid jieħu sa Settembru biex ikun hemm Kap ġdid se jkun qed jiġġebbed kemm jista’ jkun.
Meta Simon Busuttil kien ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-Kap kien qal li se jlaqqa’ l-kumitat eżekuttiv biex ifassal id-dettalji u t-termini tal-elezzjoni. Iżda, minn dakinhar għaddew iktar minn 12–il jum u dawn id-dettalji għadhom ma tfaslux. Xhieda oħra li fil-Partit Nazzjonalista mhux kollox ward u żahar. Tant anke fuq l-eliġibbiltà tat-tesserati li għandhom jivvotaw hemm kwistjoni. L-istatut jgħid li “Dawk eliġibbli biex jipparteċipaw f’dawn l-elezzjonijiet iridu jkunu ilhom tal-inqas sentejn tesserati fil-Partit Nazzjonalista minn qabel id-data tal-elezzjonijiet. Għal ħafna fid-Dar Ċentrali din hi ċara. Dawk li jridu jivvotaw għal Kap f’Settembru tal-2017 iridu jkunu ilhom membri mingħajr interuzzjonijiet minn Settembru 2015. Iżda, oħrajn qed jgħidu li tesserat preżenti jrid ikun imħallas għal sentejn b’kollox tul is-snin. Xi ħaġa oħra mhix ċara u jrid jaqtgħalha rasha l-kumitat eżekuttiv. Li hu żgur, qalu l-imkejjen tagħna, li m’hemmx it-23,000 membru li semma Simon Busuttil.