Fl-aħħar intervent tiegħu qabel tagħlaq is-sena, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla b’mod sistematiku għaddej bil-politka ta’ firda u rabja li ilu għaddej biha sena sħiha anke fuq avvenimenti Nazzjonali li bla dubbju ser jagħqdu lil dan il-pajjiż, qal hekk il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-PL qal li llum fetaħ front ta’ firda anke dwar il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn qed idaħħal anke l-partiġġjaniżmu fuq livell Ewropew filwaqt li kompla jikxef il-bitterness għall-fatt li l-Presidenza se tkun fi żmien meta Prim Ministru tal-pajjiż għandna lil Joseph Muscat fil-Gvern.
L-istqarrija tgħid li politka ta’ rabja wkoll fuq il-powerstation il-ġdida li ser taħdem bil-gass wara li taħt Gvern Nazzjonalista ir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa kellhom powerstation taħdem bil-heavy fuel oil – l-aktar żejt li jniġġeż u b’effetti ħżiena fuq is-saħħa. Minflok jilqa’ li l-powerstation ser tkun qed taħdem bil-gass ghal arja iktar nadifa, Busuttil jipprova jagħmel minn kollox biex iwaqqaf il-proċess saħansitra bi pressjoni politka fuq il-membri ta’ awtorita’ independenti.
Fl-aħħar tas-sena flok jikkundana il-mod kif użaw certi kliem assoċjati mal-mard biex jiddeskrivu lil dan il-Gvern, nies kandidati tal-Partit Nazzjonalista bħal Wayne Hewitt u Salvu Mallia, minkejja li qed jirċievi pressjoni interna biex jagħmel dan, mhux biss ma jikkundanax imma jerġa’ jsemmi l-istess kliem hu stess, qal dan il-Partit Laburista.
Fl-istqarrija l-Partit Laburista temm jgħid li jagħmel sew il-Kap tal-Oppożizzjoni li jerġa’ jisma’ l-appell tal-President f’Jum ir-Repubblika. Din is-sena ser tagħlaq kif bdiet għall-Kap tal-Oppożizzjoni, bin-negattivita’, kliem ta’ firda u rabja. In-nies la huma negattivi, la huma rrabjati u bil-maqlub tal-firda li qed jizra’ Busuttil iridu l-għaqda fost il-Maltin u l-Għawdxin.