Il-gazzetta KullĦadd ħarġet artiklu dwar l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, li kien assenti mil-laqgħat kollha tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saru s-sena li għaddiet.
Bħalu m’attendiex imqar laqgħa waħda d-Deputat Chris Said.
Sinifikattiv il-fatt li t-tnejn li huma kellhom mumenti ta’ tensjoni mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li fl-eżekuttiv għandu appoġġ iktar milli għandu fil-grupp parlamentari.
Alleati ta’ Busuttil fil-grupp parlamentari wkoll jidher li taw daharhom lil-laqgħat tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, il-post fejn Delia talab vot ta’ fiduċja riċentament.
Dan differenti minn kif għamel fil-grupp parlamentari meta dan il-vot ma talbux għax beża’.
Saħansitra kien qed jibża’ jlaqqa’ l-grupp parlamentari u l-laqgħa ssejħet wara żmien ta’ pressjoni kbira.
Dan it-tagħrif li qed niżvelaw illum jirriżulta mill-attendenza li kienet ippubblikata fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ l-ġimgħa li għaddiet.
L-Eks Kapijiet Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi kienu skużati minn dawn il-laqgħat, għalkemm m’attendewx.
Simon Busuttil ma kienx skużat iżda assenti.
L-Eks Kap kien immarkat assenti xahar wara ieħor għal laqgħa wara oħra.
Differenti minn Fenech Adami u Gonzi, Simon Busuttil għadu politikament attiv tant li hu membru tal-grupp parlamentari Nazzjonalista fejn jitkellem regolarment dwar il-pożizzjonijiet tal-partit inkluż fil-Parlament.
Għalhekk in-nuqqas tiegħu minn dawn il-laqgħat fejn tkun diskussa l-politika tal-Partit Nazzjonalista ġibed l-għajn bl-imkejjen li għaddewlna kopja tal-attendenza jgħidulna kif filwaqt li hemm min ma jattendix u kien skużat, Busuttil kien assenti għal 12–il darba wara xulxin.
L-istess kien Chris Said.
Iżda, mhux dan biss għorok għajnejn lil min kellimna mill-istamperija.
Bħal Simon Busuttil kienu assenti minn ħafna laqgħat nies qrib tiegħu.
Fosthom David Casa, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia li wkoll m’attendewx kważi l-laqgħat kollha.
Karl Gouder li jaħdem id-Dar Ċentrali wkoll kien assenti regolarment.
L-imkejjen tagħna sostnew kif dan qed ikompli juri l-qasma li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra mhux biss bejn individwi iżda anke bejn istituzzjonijiet fejn persuni jħossuhom komdi fi struttura iżda mhux f’oħra u jipparteċipaw f’waħda u mhux f’oħra.