Waqt il-laqgħa tal-grupp parlamentari nazzjonalista ta’ nhar it-Tnejn filgħaxija, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil akkuża lil Adrian Delia li l-qasma fil-Partit Nazzjonalista ħoloqha hu stess meta f’Settembru tal-elfejn u sbatax ħa tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fil-grupp parlamentari nazzjonalista żvelaw ma’ ONE NEWS li Simon Busuttil semmielu każijiet konkreti ta’ fejn il-qasma fil-Partit kompliet tikber.
Busuttil qal lil Adrian Delia, li l-qasma fil-Partit Nazzjonalista kompliet tikber meta fis-sajf li għadda pprova jkeċċih mill-partit.
F’Lulju li għadda wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant, li rrizultat li l-kumpanija Egrant la hi tal-Prim Ministru Joseph Muscat u lanqas ta’ familtu, Adrian Delia kien talab lil Simon Busuttil jissospendi lilu innifsu mill-Partit Nazzjonalista. Dan wara li Busuttil kien għamel kampanja bbazata fuq gidba ċċertifikata fil-konfront tal-Prim Ministru.
Deċiżjoni li Adrian Delia kellu jmur lura minnha wara li ċeda għal dak li ried l-establishment tal-Partit Nazzjonalista li qal li kien se jneħħi.
Is-sorsi tagħna fil-grupp parlamentari Nazzjonalista qalulna wkoll li Simon Busuttil qal lil Adrian Delia li kellu jikkundanna d-diskorsi ta’ esponenti Nazzjonalisti qrib tiegħu li attakkaw lil kumplament tal-grupp parlamentari.
Busuttil għamel referenza qal li dak li qal Jean Pierre Debono, meta li d-deputati tal-fazzjoni ta’ Busuttil qalilhom – “Put up or shut up.”
Is-sorsi tagħna komplew jgħidu li kien hemm deputati Nazzjonalisti mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista li għamlu referenza għall-allegazzjonijiet li qiegħed jiffaċċja Adrian Delia. Fosthom li daħħal flus f’kont bankarju ġejjien mill-prostituzzjoni.
Deputat Nazzjonalista ta eżempju bl-eks kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi u qallu “timmaġina lil Lawrence Gonzi jiffaċċja allegazzjonijiet bħal dawn”.
Is-sorsi tagħna fil-grupp parlamentari qalulna li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kellu jiddefendi lilu nnifsu waħdu quddiem id-deputati nazzjonalisti, li huma kontrih.
Bl-unika deputat Nazzjonalista li deher jiddefendi lil Delia, jkun is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.
Sorsi qalulna li kulħadd baqa skantat, kif f’laqgħa ta’ ħames sigħat, deputati bħal Carm Mifsud Bonnici, Kristy Debono u Hermann Schiavone ma fetħux ħalqhom biex jiddefendu lil Adrian Delia, kif is-soltu jagħmlu.