Waqt il-programm Dissett li xxandar fuq l-istazzjon Nazzjonali lbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikkonferma li huwa jrid li nreġġgħu l-arloġġ lura għall-politika ta’ firda, meta qabel mal-lingwaġġ ta’ mibegħda u firda li qal Salvu Mallia, il-kandidat ġdid tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista.
F’Għawdex il-Ħadd li għadda, Salvu Mallia qabbel lill-Prim Ministru Joseph Muscat mal-pesta, liema dikjarazzjoni mhux biss ma ġabitx l-istmerrija ta’ Simon Busuttil iżda kontrarjament qed jaqbel magħha u saħaq li għalih din hija aċċettabbli.
Fi stqarrija, l-Partit Laburista qal li huwa ċar li Simon Busuttil irid li mmorru lura għall-politika tal-blu kontra l-aħmar, tan-Nazzjonalisti kontra l-Laburisti bi kliem bħal dak li qal Salvu Mallia li huma kummenti tal-mistħija u jiżiraw politika negattiva u bitter.
Il-Partit Laburista spjega li l-poplu Malti u Għawdxi huwa mxebba’ b’politika li tifred lill-familji, u kif għamel fl-2013, meta warrab din il-politika b’saħħa fl-elezzjoni ġenerali, se jkun għal darba oħra qed jagħmel dan u jagħti vot ta’ sfiduċja lill-Kap tal-Oppożizzjoni li jridna ninsew is-suċċessi miksuba fl-aħħar tliet snin u nmorr lura għall-passat.