Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, iddikjara li hu “ixxokjat” bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li iktar kmieni din il-ġimgħa esprima l-fehma li l-Port Ħieles ma jistax jibqa’ jikber fuq in-naħa tar-residenti ta’ Birżebbuġa.
Minflok il-Prim Ministru qal li l-gvern qed iħares lejn ħub loġistiku f’Ħal Far.“Qal li ma jaqbilx li l-freeport ikompli jikber. Kien xokk għalina kollha,” qal Simon Busuttil f’intervista li matulha prova jieħu l-mertu ta’ ħidmet il-gvern fuq dan il-hub loġistiku.
Il-panama u l-faqar reġgħu kienu fuq l-aġenda ta’ Simon Busuttil li fil-maġġoranza tal-ħin irrepeta dak li qal fl-intervisiti tal-Ħadd li għadda, ta’ qabel u ta’ qabel. Biex b’hekk reġa’ żamm ton negattiv.
“Il-Gvern qed jonfoq wisq flus pubbliċi mit-taxxi tagħna,” iddikjara Simon Busuttil f’ġimgħa fejn sar magħruf li Malta hija r-raba’ l-iktar pajjiż fl-Ewropa li naqset il-piż tad-dejn.
Żied li hemm riskju dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. “Liema investitur se jħossu komdu jmur ipoġġi quddiem Joseph Muscat,” iddikjara Simon Busuttil li prova jbeżża’ wkoll dwar is-sigurtà tal-pajjiż.
Qal li pajjiżna se jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni u l-gvern irid juri li Malta hija lesta biex tħares is-sigurtà tal-Maltin.
“M’għandniex naħsbu li dan mhux isir. Imma hemm dubji,” qal Simon Busuttil.