Wara sena ta’ allegazzjonijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni issa qed jitlob għal informazzjoni dwar il-kumpanija Egrant.
F’kummenti lill-midja dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu jagħti protezzjoni lil kull min jagħti xi informazzjoni.
Mistoqsi jekk ux konvint li Egrant hi tal-Prim Ministru, Simon Busuttil qal li l-iktar ħaġa importanti hi li kull min għandu informazzjoni jgħaddiha.
Busuttil kien mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti l-għada li l-Prim Ministru ċaħad qlajjiet li beda jdawwar il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem u tenna li la hu u lanqas ħadd mill-familja tiegħu m’għandhom kontijiet sigrieti barra minn Malta. Però appella li quddiem dawn il-qlajjiet wieħed għandu jżomm il-kalma.
“Għamilt żball li ħallejt min jipprova jivvinta qlajjiet u domt wisq ma ċħadthom. Bdew jivvintaw li għandi kumpanija sigrietà,” qal il-Prim Ministru li tenna kif fl-aħħar snin naqas meta ma kienx qawwi quddiem qlajjiet fil-konfront tiegħu.
“Issa bdiet il-qlajja li l-mara tiegħi jew xi membru tal-familja tiegħi għandhom xi kont. Niġi hawn quddiemkom għax la jien, la marti u la ħadd mill-familja tagħna m’għandu kumpanija, la kont u lanqas ħaġa u oħra li mhumiex iddikjarati,” qal Joseph Muscat.