Waqt attività politika f’Tas-Sliema il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil attakka il-ġudikatura billi sejħilha farsa.
Għal Ħadd ieħor Simon Busuttil kompla jattakka l-istituzzjonijiet. U l-ġudikatura spiċċat fil-mira tiegħu minkejja li taħt din l-amministrazzjoni li twaqqaf kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikanti li saħansitra vvotat favurih l-oppożizzjoni.
F’Tas-Sliema Simon Busuttil attakka l-investiment ta’ mitejn miljun ewro fil-qasam tas-saħħa li se jbiddel għall-aħjar tlett sptarijiet, dak Ġenerali t’Għawdex, San Luqa u Karin Grech. Kompla billi attakka l-qalba mill-heavy fuel oil għall-gass.
Il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil beda s-sena bin-negattività u jidher ċar li ser jispiċċaha bin-negattività.
Fi stqarrija, il-Partit spjega li din kienet sena pożittiva għall-poplu Malti u Għawdxi kollu b’mod partikolari għall-pensjonanti, għall-persuni b’diżabilita’ u persuni bi dħul baxx kif ukoll għall-eluf ta’ ħaddiema li qed jaħdmu f’sena rekord fil-qasam tax-xogħol.
Busuttil għażel li jattakka l-istituzzjonijiet kollha li jmorru kontra dak li jgħid hu u l-establishment tiegħu. Busuttil jemmen fil-politka tat-tribu, u jaħseb li l-establishment għandu poter li ħadd ma jista’ jmissu, bħal meta jgħid li l-Islimiżi kienu, għadhom u jibqgħu wara l-Partit Nazzjonalista. L-istess kif kien jgħid qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, meta qalu li Għawdex hu tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista qal li l-poplu Malti u Għawdxi jwarrab il-politka tal-establishment u n-negattività ta’ Simon Busuttil għax jaf li b’ekonomija b’saħħitha għandu għalfejn ikun pożittiv kemm għal din is-sena u kemm għas-sena li ġejja.