Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qabbel lill-Prim Ministru Joseph Muscat mal-Mexxej tal-Partit Ingliż, UKIP, Nigel Farage, wieħed mill-uċuh tal-kampanja barra fir-Renju Unit.Għamel dan waqt li kien qed jindirizza kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Busuttil qal li meta Joseph Muscat qal li hu ewro-realista, kien qiegħed jingħaqad mal-kamp ta’ Nigel Farage u Boris Johnson li kkampanjaw favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Busuttil attakka lill-Prim Ministru għax qal li l-Unjoni Ewropea trid tifhem iktar lin-nies u tibdel id-direzzjoni f’diversi oqsma.
Saħansitra żied jgħid li stqarrijiet tal-Prim Minsitru Joseph Muscat huma ripetizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Nigel Farage.
Il-kelma ewro-realist li uża l-Prim Ministru tfisser li meta wieħed jikkritika l-Unjoni Ewropea ma tkunx ewro xettiku imma jkun ewro realist.
PL: “BUSUTTIL FALLIMENT”
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li d-dikjarazzjoni ta’ Busuttil hija l-iktar punt baxx li qatt rajna minn wara l-vot tar-Renju Unit. Busuttil jingħaqad ma grupp zgħir ta’ politiċi elitisti, ‘l bogħod min-nies li m’għandhom idea kif wasalna għas-sitwazzjoni attwali u li ma jafux kif għandhom jaġġixxu għaliha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa ‘l bogħod mill-bżulija tal-familji li jħossuhom aljenati minn politiċi bħalu. Huwa wkoll ‘l bogħod mill-ħsibijeit tal-mexxejja Ewropej.