L-Oppożizzjoni tibqa’ negattiva u tikkonferma li tirrappreżenta l-establishment u l-istatus quo. Simon Busuttil għażel li jaħrab ir-realtà u li jgħid lin-nies li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jkun żbaljat u li għandhom joqogħdu attenti minn din l-istatistika. Dan hekk kif fil-gazzetti tal-Ħadd kienu ppubblikati żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li t-tnejn poġġew lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Partit Laburista fuq quddiem mal-elettorat.
Simon Busuttil, f’kollegament fuq ir-radju saħaq kemm-il darba li l-Maltin għandhom jivvottaw bħall-Amerikani u fl-elezzjoni jivvotaw kontra l-establishment.
Iżda l-Oppożizzjoni għal darb’oħra tikkontradixxi lilha nnifisha hekk kif bi kliemu Simon Busuttil kompla jikkonferma li l-Partit Nazzjonalista huwa l-establishment negattiv li jibża jbiddel u li hu kontra kull pass pożittiv li rnexxielu jikseb dan il-Gvern.
Għal darb’oħra Simon Busuttil saħaq li f’pajjiżna l-qalba għall-gass ma kinitx bżonnjuża u li dan l-investiment kien ħela ta’ flus. L-Oppożizzjoni, li l poplu diġa vvota b’mod ċar kontriha, baqgħet negattiva u permezz tal-kap Busuttil irriaffermat dalgħodu li ma tridx li n-nies igawdu minn aktar arja nadifa u li hija kontra proġett li l-PN fil-Gvern qatt ma rnexxielu jwettaq.
Il-PN huwa kontra l-masterplan f’Paceville, u fi kliem Busuttil li kieku kien hemm hu fil-Gvern dawn l-affarijiet ma kienux isiru. Il-kap tal-Oppożizzjoni ikkonferma li huwa jibża mil-kritika, u jippreferi li jħalli kollox kif ikun milli jagħmel it-tibdiliet meħtieġa.
“L-ikbar tagħlima mill-elezzjoni Presidenzjali tal-Amerka kien il-vot qawwi kontra l-establishment, u l-Maltin għandhom jitgħallmu minn din l-elezzjoni u fl-elezzjoni jivvotaw lil Partit Nazzjonalista.” Simon Busuttil irid li pajjiżna jkollu partit fil-Gvern li huwa negattiv u jibża jbiddel, Gvern li huwa parti mill-establishment.