Il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jakkuża lil Ministru tal-Edukazzjoni li żgwida l-Kamra tad-Deputati meta fil-Parlament fisser kif l-iskema tal-Community Work Scheme hija simili għal skema li nieda l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar amministrazzjoni. Xi ħaġa li saħansitra kkonferma l-eks Ministru Carm Mifsud Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni llum.
Il-Ministru Bartolo oġġezzjona bil-kbir għall-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li sakemm Busuttil ma jirtirax id-diskors tiegħu allura ma kienx se jwieġbu għal mistoqsija supplimentari dwar is-suġġett.
Bl-ispeaker tal-kamra jipprova jsib triq tan-nofs, bil-għan li l-parlament jibqa’ miexi, Busuttil għażel it-ton tal-konfront u għalhekk iż-żewġ naħat ma qablux. Dan wassal biex il-Ministru tal-Edukazzjoni talab biex l-ispeaker jagħti ruling.
“Qed nitlob ruling fuq li qal li rrid niżgwida, u ma rridx inwieġeb fuq xi ħaġa li jien kburi li għamiltha,” qal il-Ministru Bartolo.