Leo Brincat kellu jkun ġudikat fuq il-kwalitajiet tiegħu u mhux skont x’jaqbillu l-Partit Nazzjonalista. Qalilhom dan Ray Bugeja, li ikkontesta l-elezzjoni biex ikun kap tal-istess partit.
Bugeja diġa’ lissen kliem ieħor ta’ twissija. Fosthom li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ festi nazzjonali għandhom ikunu nazzjonali u mhux bi skopijiet partiġjani. Qal ukoll li mexxej tajjeb jinduna meta għandu jwarrab.
Issa kompla jwissi permezz ta’ Twitter, fejn xerred artiklu tal-Malta Independent li jgħid li l-grupp tal-Partit Popolari Ewropew ivvota fl-interess ta’ Malta. “Minix ċert li għamlu hekk” kiteb Bugeja “dan huwa t-tieni kandidat minn Malta”. Dan b’referenza għall-ħsara kbira li saret meta ma kinitx appoġjata l-kandidatura tal-avukat Toni Abela għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Dak li qal ilbieraħ Simon Busuttil kien indikattiv ta’ kemm ħa gost bid-deċiżjoni tal-Partit Popolari Ewropew. Kif jidher fil-filmat, ma kienx Busuttil biss li ħa gost, iżda anke partitarji Nazzjonalisti li kellu quddiemu. B’mod ċar kristall, Simon Busuttil kien fuq in-naħa tal-estremisti li għalihom il-Partit Nazzjonalista jiġi qabel il-pajjiż. Deċiżjoni li qed tkompli tkabbar ix-xquq fi ħdan il-Partit li jmexxi.