F’ġurnata fejn huma bosta l-Ministri Maltin li qegħdin fil-Parlament Ewropew jippreżentaw il-prijoritajiet ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni ilu ġurnata jdur il-kurituri tal-Parlament Ewropew jipprova jikkonvinċi membri tal-Partit Popolari Ewropew biex minflok jitkellmu dwar is-suġġett jgħidu xi ħaġa dwar il-Panama.
Iżda, imkejjen qrib il-Partit Nazzjonalista spjegaw li ż-żjara tiegħu Brussell hija maħsuba wkoll biex jiltaqa’ maċ-chairman tal-PANA Committee. Laqgħa li saret ftit ilu u li fiha Simon Busuttil lmenta li mhu kuntent xejn bil-fatt li ssejjaħ biex jidher quddiemu l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, u l-eks Ministru Tonio Fenech. Fil-fatt fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li meta fl-20 ta’ Frar il-PANA Committee jkun Malta, Fenech Adami jrid iwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu.
Ir-ritratt ta’ fuq juri proprju din il-laqgħa fejn tidher ukoll Therese Commodini Cachia u ċ-chairman tal-kumitat Werne Langen. Wara l-istruttura tal-injam hemm Simon Busuttil. Commodini Cachia u David Casa ilhom jum iduru ma’ Busuttil li mexa għal kemm–il darba tul il-kuritur ifittex lil min jista’ jkellem biex jissokta bil-kampanja tiegħu kontra pajjiżna u l-Prim Ministru Joseph Muscat. Intant, sorsi fil-PN kkonfermaw li din il-laqgħa kienet ikkonfermata wara l-prestazzjoni qawwija li kellu l-Prim Ministru fil-plenarja tal-ġimgħa li għaddiet. Xi ħaġa li Busuttil xejn ma ħa gost biha.