Simon Busuttil irid li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulzija jirriżenjaw jekk ma jieħdux passi fuq allegazzjonijiet li m’hemmx provi dwarhom. Donnu xejn m’hu xejn, fuq ir-radju dalgħodu qal li għandhom “iwarrbu”.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista fi tfigħ ta’ tajn li kien deskritt bħala gideb sfaċċat mill-uffiċju tal-Prim Ministru.
Waqt kollegament fuq Radio 101, Busuttil irrepeta dak kollu li hemm fil-Malta Independent, u minkejja n-nuqqas ta’ provi fil-konfront tal-persuni msemmija jew inkella l-uffiċju tal-Prim Ministru stess, sejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, jekk dawn ma jieħdux azzjoni.
Simon Busuttil qal li fl-elezzjoni li jmiss, “in-nies għandhom jivvotaw bi ħġarhom kontra l-korruzzjoni”, għalkemm ma ta’ ebda ħjiel favur xiex għandhom jivvotaw, jew inkella l-“Gvern alternattiv” li tkellem dwaru x’kapaċi joffri.
Kien biss fl-aħħar minuta tal-intervista qasira li preżenta t-tema taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza din is-sena: “nirnexxu lkoll flimkien”.
Dan fi żmien meta l-pressjoni kontra Simon Busuttil hija bla preċendent, tant li l-qalba tal-Partit Nazzjonalista qed tiddiskuti min hu l-aktar bniedem fdat biex jieħodlu postu.