“Irresponsabbli”. Hija din il-kelma li uża l-opinjonista Martin Scicluna biex iddeskriva l-karattru tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li f’artiklu dettaljat fit-Times of Malta, analizza s-sitwazzjoni politika attwali ta’ pajjiżna.
Scicluna nnota r-rabta bejn Daphne Caruana Galizia u Simon Busuttil u ddeskriva din ir-relazzjoni bħala mhux l-iktar waħda dinjituża għall-Kap tal-Oppożizzjoni.
“The Caruana Galizia tail is wagging the Busuttil dog – not the most dignified or inspiring position for the Opposition leader to find himself in”.
B’dan ried ifisser li għalkemm Busuttil – suppost – jinsab fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, qed iħalli l-aġenda ta’ Caruana Galizia tmexxih; u qed jibbaża l-kampanja tiegħu fuqha u fuq l-istejjer tagħha.
Filfatt meta tkellem dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, qal li minflok jieħu pożizzjoni bħalma kull politikant serju għandu jieħu, jinsab kommess li jwassal il-messaġġ li l-istejjer ta’ Caruana Galizia huma veritiera.
Iżda l-verità, speċjalment meta bbażata fuq evidenza bla bażi u minn blogger b’aġenda politika, hija rari ħafna li tkun vera, innota Martin Scicluna.
B’dan kollu fl-isfond, l-opinjonista tenna li Simon Busuttil huwa konxju u jaf li l-unika mod li bih jista’ jieħu post il-Prim Ministru fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, huwa billi jibni stampa bbażata fuq il-messaġġ li Joseph Muscat huwa raġel korrott.
Agħar minn hekk, id-diskors tiegħu li ninsabu f’“emerġenza nazzjonali” u “kriżi kostituzzjonali”, u l-appell għall-President ta’ Malta biex tuża l-awtorità morali tagħha biex tgħid lill-Prim Ministru jirriżenja, huwa biss xhieda tal-mod irresponsabbli li bih qed imexxi l-kampanja tiegħu Simon Busuttil.
U biex iżid ma’ dan, Scicluna qal li l-mod li bih Busuttil “is putting his own life at risk, is melodramatic and demeaning”.
Biex hekk Scicluna qal li l-appoġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet, huwa mibni fl-arja. Jew fi kliemu eżatt “Busuttil’s support for these allegations will be found to be built on sand”.
Scicluna ddeskriva l-każ egrant bħala konfoffa mibnija biss fuq teorija ta’ blogger bla kontroll li hija magħrufa ma’ kulħadd li tqanqal l-avversjoni kontra l-Partit Laburista.
Spjega kif dan il-każ, deskritt mill-Prim Ministru bħala l-akbar gidba faħxija fl-istorja politika ta’ pajjiżna, huwa biss ħolqa minn katina t’allegazzjonijiet li saru mill-blogger Nazzjonalista fl-aħħar sena.
Allegazzjonijiet li bil-mod dettaljat li bih ikunu miktuba, jirnexxilha talludi lill-qarrejja tagħha.
Scicluna temm jgħid li pajjiżna qed ikun immanipulat emozzjonalment; fl-istess waqt li qed tkun ipperikolata l-ekonomija ta’ pajjiżna b’dawk li ddeskriva bħala logħob riskjużi għall-vantaġġ politiku.