L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil reġa’ sab xogħol fi Brussell mal-Partit Popolari Ewropew, issa bħala l-konsulent ewlieni.
L-ewwel biċċa xogħol tiegħu mal-Partit Popolari Ewropew, li miegħu hu affiljat il-Partit Nazzjonalista, jidher li kienet ittra indirizzata lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen b’attakk ieħor fuq pajjiżna.
F’din l-ittra ntqal li s-sitwazzjoni f’Malta hi ta’ inkwiet kbir, minħabba r-riforma mressqa mill-Gvern biex tissaħħaħ is-sistema tal-inkjesti maġisterjali, inkluż fid-dritt taċ-ċittadin privat għal dan, u biex jinqatgħu l-abbużi kif kien qed jagħmel l-eks Deputat Nazzjonalista u l-avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi fl-aħħar żmien.
Il-Partit Popolari Ewropew appella lil Von der Leyen biex tittratta din is-sitwazzjoni f’pajjiżna b’“urġenza”.
L-istess EPP attwalment għaddej minn investigazzjoni mill-Pulizija Belġjana dwar allegati reati ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi Ewropej b’rabta mal-kampanja tal-Kap tiegħu, Manfred Weber, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019.
Dwar dan ukoll kien sar rejd fil-kwartieri prinċipali tiegħu fejn hu maħsub li ġew ikkonfiskati għadd ta’ dokumenti.
Sa din il-ġimgħa stess, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kiteb opinjoni fuq it-Times, fejn ħareġ jattakka din ir-riforma fl-istess jum li bdiet tiġi diskussa fil-Parlament.
Fuq it-Times, Simon Busuttil qal li din il-liġi hi kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Minbarra li ġie mgiddeb dwar dak li qal, ta’ min jirrimarka li d-dritt taċ-ċittadin li jitlob inkjesta maġisterjali, kif inhu stabbilit f’Malta, lanqas hu disponibbli fl-istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea, kif anke indikat mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, fl-aħħar jiem.