- QED TISPIKKA L-PREŻENZA TA’ TONIO ZAMPA
- IFAKKRU FIX-XENI KOROH TA’ QUDDIEM ID-DAR ĊENTRALI FL-2012
Kif jidher fir-ritratt li qed nippubblikaw, l-iktar uffiċjal tas-sigurtà qrib il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-protesta li saret żewġt iħdud ilu kien Tonio Zampa, persuna li l-għatba tal-Qorti rifisha mhux darba jew tnejn.
Iktar minn hekk Zampa huwa magħruf għal-lingwaġġ aggressiv u intimidatorju tiegħu fil-konfront ta’ dawk li ma jaqblux mal-Partit Nazzjonalista. Din mhix l-ewwel darba li Zampa deher qrib Simon Busuttil kemm ilu kap u Busuttil injora għalkollox il-parir li nies bħal Zampa m’għandux xi jridhom ma’ saqajh.
Saħansitra Zampa kien fost dawk li dehru qrib il-folla Nazzjonalista meta s-sena li għaddiet, quddiem il-Qorti, kienu attakkati ġurnalisti ta’ ONE NEWS. Dan qabel id-deputat Jason Azzopardi kellu jidher quddiem il-Qorti b’rabta ma’ kawża ta’ malafama.
Tonio Zampa kien wieħed mill-persuni b’kondotta mċappsa li kienu jdawru lill-eks Ministru Austin Gatt. L-istess nies li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kienu jgħassu d-Dar Ċentrali u li ma kienux ħallew jidħlu fl-istamperija persuni li kienu akkumpanjaw lil Jeffrey Pullicino Orlando, dak iż-żmien deputat Nazzjonalista. Saħansitra wara incident li kien inqala quddiem l-istamperija, Tonio Zampa kien sfida pubblikament lil dawk li kienu ma’ Pullicino Orlando. Qalilhom li jekk riedu kien jurihom xi jfissru nies kriminali.
Fil-Qorti, Tonio Zampa iffaċċja akkużi b’rabta ma’ traffikar ta’ droga, fejn fi Spanja għamel għaxar xhur arrestat għalkemm eventwalment ħareġ liberat minn dan il-każ. Deher ukoll quddiem il-Qorti akkużat li attakka pulizija.
Tonio Zampa jaf sew lil Ernest Tonna, dak li Jason Azzopardi kien tah garaxx bi pjaċir meta kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fil-fatt lil Jason Azzopardi, Zampa qabdu bħala avukat meta dan l-aħħar kellu jidher il-Qorti akkużat b’theddid fuq l-eks deputat Nazzjonalista Pullicino Orlando.
Dan f’każ li jmur lura għal April 2013 meta Zampa kien kiteb diskors oxxen fil-konfront ta’ Pullicino Orlando u miegħu ingħaqad Ivan Felice, magħruf bħala l-butcher. Dan qal li lil nies bħal JPO kellhom jagħmlulhom bħalma għamlu lil-Lhud. Anke l-butcher għadu jidher bħala uffiċjal tas-sigurtà f’diversi attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista.
Għax jidher ċar li Zampa mhux iżolat. Il-bulijiet qed isibu posthom fil-qalba tal-PN.
Bniedem ieħor li jidher bi prominenza fl-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista hu Charles Mangion, magħruf bħala ż-Żubina.
Wara ġuri, iż-Żubina kien instab ħati ta’ qtil ta’ Spanjol fl-1975, wara li iktar kmieni kien instab ħati t’attentat ta’ qtil. Kien sa riċenti li Mangion spiċċa l-Qorti għaliex għandu rasu sħuna.
Fil-fatt weħel sitt xhur sospiżi għal sena u nofs wara li hedded lill-eks deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando u lid-deputat Deborah Schembri. Saħansitra kien qal li lest joqtol lil Pullicino Orlando filwaqt li jagħmel ħsara wkoll lill-eks Ministru Jesmond Mugliett.
Jirriżulta li Simon Busuttil m’għandu ebda problema bil-preżenza taż-Żubina tant li mhux talli ssejjaħ biex ikun quddiem il-Qorti meta kienu attakkati ġurnalisti ta’ ONE NEWS, iżda jidher f’bosta attivitajiet oħra tal-Partit Nazzjonalista.
Partit li qed isaħħan l-irjus u jipprova jgħolli kemm jiflaħ it-temperatura politika.
Il-preżenza ta’ dawn in-nies, magħrufa wkoll bħala ‘bulijiet’, tixhed kif il-Partit Nazzjonalista ftit li xejn inbidel minn dak ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.