“Jgħid x’jgħid, Simon Busuttil ma jistax jeħles mit-talba tal-Awditur Ġenerali biex id-deputat tiegħu Jason Azzopardi jassumi r-responsabbilità dwar il-każ tal-Lowenbrau.”
Il-Partit Laburista qal li ladarba, Simon Busuttil, għażel li joħroġ għonqu għal Jason Azzopardi u jinjora lil Awditur Ġenerali flimkien ma’ xhieda ġuramentata, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jwieġeb dawn it-tliet domandi sempliċi:
- Għaliex qed jemmen lil Jason Azzopardi meta l-Awditur Ġenerali diġa m’emmnux fuq ftehim li, skont Żaren Vassallo, il-Marsovin qalulu li għandhom mal-Ministru biex tisparixxi l-kundizzjoni li din l-art tista tintuża biss għal birrerija?
- Jekk Jason Azzopardi biss ssemma fir-rapport tal-Awditur Ġenerali u Jason Azzopardi biss iffirma l-kuntratt, u jekk Tonio Fenech ikkonferma li dak iż-żmien Jason Azzopardi kien effetivament il-Ministru, mhux ovvja li x-xhieda ġuramentata ta’ Żaren Vassallo dwar laqgħa ma’ Ministru li fiha ġie imwiegħed kompromess saret ma’ Jason Azzopardi?
- Jason Azzopardi se jiftaħ każ ta’ sperġur fil-konfront ta’ Żaren Vassallo la jemmen li dan il-benefattur tal-PN gideb fil-Qorti?
L-istqarrija ttemm tgħid li flok jiddefendi lil Azzopardi, Simon Busuttil għandu jara li jsir dak li qal l-Awditur Ġenerali u tintrefa’ r-responsabbiltà politika.