L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li huwa s-segretarju ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew jinsab sieket u qed qed ikun assenti mill-Partit Popolari Ewropew dwar deċiżjoni fil-konfront tal-Prim Ministru Ungeriz Viktor Orban.
Orban għadda liġijiet kontroversjali t’emerġenza li tawh iżjed poteri, tant li anki l-Unjoni Ewropea tinsab imħassba bin-nuqqas ta’ demokrazija f’dan il-pajjiż.
Il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew u Viċi President tas-Soċjalisti u Demokrattiċi Miriam Dalli qalet li dan huwa każ fejn il-Partit Nazzjonalista jaġixxi kif jaqbillu fil-Parlament Ewropew.
“Fil-Parlament Ewropew jitkellmu tant għax jgħidu li jridu s-saltna tad-dritt u d-demokrazzija f’Malta, iżda kważi ma jagħmlu xejn f’sitwazzjonijiet f’pajjiżi oħra bħall-Ungerija”, saħqet l-ewro parlamentari Laburista.
“Simon Busuttil li tant ftaħar li għandu kariga ewlenija fil-Partit Popolari Ewropew, qed ikun assenti u ma jinkoraġġix lill-grupp biex jieħdu passi fil-konfront tal-Prim Ministru Ungeriz Viktor Orban”, saħqet Dr Dalli.
F’Marzu illi għadda, il-partit ta’ Viktor Orban li għandu l-maġġoranza fil-Parlament Ungeriż saħansitra għadda liġi li tibgħat sa ħames snin ħabs dawk li jinstabu ħatja li jxerdu informazzjoni skoretta fuq il-pandemija.
Miriam Dalli staqsiet fejn Simon Busuttil biex jikkonvinċi lill-Ungerija tibdel fehmtha fuq l-immigrazzjoni u tappoġġja lil Malta.
Qalet li mbagħad l-istess Partit Nazzjonalista għandu esponenti tiegħu li kienu pronti jakkużaw lil 11-il suldat b’attentat ta’ qtil fuq immigranti.
Dan l-iskiet itarrax ta’ Simon Busuttil isegwi rapport fuq is-sit influwenti Politco li semma kif numru ta’ membri parlamentari Ewropej tal-Partit Popolari Ewropew, il-PPE, jinsabu urtati u rrabjati bid-deċiżjoni tal-Kap Manfred Weber li qabad u għażel lil Simon Busuttil bħala segretarju ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew.
Il-Politico kien irrapporta firda u inkwiet li bħalissa jeżisti fil-Partit Popolari Ewropew riżultat tal-għażla ta’ Simon Busuttil.
Dawn il-membri parlamentari Ewropej u nies qrib il-Partit Popolari Ewropew akkużaw lil Weber li ffavorixxa lil Simon Busuttil, deskritt mill-Politico bħala ħabib ta’ Weber u li għandu ftit esperjenza u tagħrif tal-Parlament Ewropew u tal-grupp politiku Ewropew li fih huwa msieħeb il-Partit Nazzjonalista.