Il-kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Salvu Mallia, ma kienx diskuss mill- Kummissjoni li tanalizza u tipproponi l-kandidati għall- Partit Nazzjonalista.
Kummissjoni li titmexxa mill- eks Kummissarju Ewropew Joe Borg u li minn meta laħaq Kap Simon Busuttil kienet fdata biex tiġri wara kandidati ġodda, iżda wkoll biex tiskrutinizza lil dawn il-kandidati.
Però il-gazzetta KullĦadd żvelat li Salvu Mallia ma deherx quddiem din il- Kummissjoni u l- Kummissjoni wisq inqas iddiskutietu.
Kien irrapportat li Simon Busuttil riedu kandidat akkost ta’ kollox tant li ħadu mill- ewwel għall-approvazzjoni tal-eżekuttiv u kuntrarju ta’ li ġara drabi oħra fejn il- kandidati kienu approvati grupp grupp,Salvu Mallia kien approvat waħdu. Għalkemm il- Kap kien determinat li jkollu lil Mallia fuq il-lista tiegħu ma naqsitx l-oppożizzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bl-approvazzjoni ta’ Mallia ma kinetx waħda unanima. Dan mhux biss għax Mallia ddikjara li jkun lest iwaqqa’ l-Gvern iżda iktar minn hekk minħabba l-lingwaġġ goff u baxx li juża. F’laqgħat interni intqal jekk dan hux it-tip ta’ messaġġ li jrid iwassal il-Partit Nazzjonalista.
Mallia kien qal li l-Partit Nazzjonalista kien qed jiddiskuti l-kandidatura tiegħu meta ħa sehem fil-programm Xtra fuq TVM fit-tieni ġimgħa ta’ Ottubru, iżda mbagħad l-istqarrija li kien approvat waslet fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru, konferma oħra ta’kif ma kienx kollox ward u żahar.
Biex jisfida lil min sfidah Simon Busuttil ried lil Mallia jitkellem fl-ewwel attività pubblika, dik politika f’Għawdex il-Ħadd li għadda. Hawn Salvu Mallia qabbel il-Prim Ministru mal-pesta. Dikjarazzjoni aċċettabbli, għal Simon Busuttil.