L-ex Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil webbes rasu u baqa’ jirrifjuta li jimxi mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għall-protesta organizzata mill-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice.
Fil-fatt, għal din il-mixja minn Pjazza Teatru Rjal sa quddiem il-Qorti, waqt li Adrian Delia kien fuq in-naħa ta’ wara tal-mixja, Simon Busuttil kien eżatt fuq in-naħa l-oħra u beda jimxi man-nies fuq quddiem.
Għal din il-mixja, jżomm kumpanija lil Adrian Delia kien hemm is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli li għal xi ħin deher jikkoordina mal-camera person tan-NET sabiex jinkwadra lil Delia bl-aqwa mod possibbli.
Ma’ Delia u Puli kien hemm ukoll il-viċi kap Robert Arrigo u żewġ kunsilliera oħra tal-Partit Nazzjonalista. Għal ftit tal-minuti biss, sakemm Delia ġie intervistat mill-midja tiegħu stess kien hemm Karol Aquilina madankollu x’ħin intfiet il-camera, Aquilina lebbet ‘il quddiem u tbiegħed minn Delia.
Preżenti wkoll fin-nies, għexieren ta’ metri ‘l bogħod minn Adrian Delia kien hemm Francis Żammit Dimech li dan l-aħħar beda jissemma’ li qed jiġi mħeġġeġ sabiex jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali u b’hekk iqaċċat lil Clyde Puli.
Il-Viċi Kap David Agius u d-Deputat Toni Bezzina, Claudette Buttigieg, Karl Gouder u Beppe Fenech Adami wkoll ma mxewx mal-kap nazzjonalista Adrian Delia.
Dan kollu kkonferma dak li żvela one news fil-jiem li għaddew meta sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li Simon Busuttil ma ridx jidher jimxi fil-protesta mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
L-Erbgħa filgħaxija waqt laqgħa mqanqla oħra tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista, Busuttil rrifjuta li jiffirma mozzjoni ma’ Adrian Delia kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Kawża ta’ dan l-argument, Delia ħalla lill-ġurnalisti jistennew għal siegħa u nofs sħaħ fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.
Intant, sabiex iwaqqfu lill-ġurnalisti ta’ ONE News milli jiġbdu l-filmati ta’ Simon Busuttil waqt il-protesta, diversi persuni bdew jgħollu l-bnadar u kartelluni quddiem il-cameras ta’ ONE fejn f’ħinijiet minnhom wieħed minnhom saħansitra temma’ l-kartellun lill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon.