Fil-Qorti dalgħodu kompliet tinstema’ t-talba ta’ Simon Busuttil biex ġudikant ma jibqax jisma’ l-każ dwar l-allegazzjonijiet li qajjem hu stess u li ilu jirrepeti żmien dwar il-Panama Papers.
Fis-seduta ta’ dalgħodu ġie deciż li l-każ ikompli jinstema’ l-ġimgħa d-dieħla wara li l-Oppożizzjoni permezz tad-deputat Jason Azzopardi baqa’ jinsisti li għandu jinbidel l-Imħallef Mizzi.
Dan wara li fl-aħħar seduta, l-Imħallef ordna li l-każ jinstema’ bil-magħluq. Fuq l-għatba tal-Qorti Simon Busuttil baqa’ għaddej jirrepeti l-istess allegazzjonijiet li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Simon Busuttil kien talab għar-rikuża tal-Imħallef Antonio Mizzi għax skont hu ma kienx se jkun hemm ġustizzja għax l-Imħallef inżerta miżżewweġ lill-Membru tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi.
Xi ħaġa li ġabet il-kundanna tal-Kamra tal-Avukati. Dan ifisser ukoll li meta jerġa jinstema’ l-każ l-ġimgħa d-dieħla, Simon Busuttil ma jkunx għadu Kap tal-Partit Nazzjonalista.