Is-sit internazzjonali Business Insider innota kif Silicon Valley fl-Istati Uniti tal-Amerka mhux l-uniku post fejn hu avvanzat fit-teknoloġija tal-futur tal-Intelliġenza Artifiċjali. Anzi jisħaq li l-gżira żgħira f’nofs il-Mediterran ta’ Malta diġà għandha iżjed start-ups per capita f’dan ir-rigward milli għandha l-akbar demokrazija fid-dinja.
Is-sit, li hu bbażat fi New York, iżda rinomat madwar id-dinja, u jispeċjalizza fis-setturi tal-finanzi u n-negozji, bassar li pajjiżna jista’ jkun iċ-ċentru ewlieni fid-dinja fit-teknoloġija avvanzata fi ftit ta’ snin oħra.
Jisħaq li pajjiżna diġà hu inklinat sew f’dan ir-rigward, bin-negozji, l-Università u l-Gvern Malti qed iħaddnu l-Intelliġenza Artifiċjali bħala mezz kif jiffaċilita l-ħajja, itejjeb l-edukazzjoni u saħansitra jsolvi problemi ta’ kuljum, bħat-traffiku fil-ħinijiet l-aktar beżlin.
Fost il-kumpaniji startups dwar l-AI, li għandhom bażi f’Malta, hemm taħlita bejn dawk li joħolqu it-teknoloġija għall-użu intern u dawk li jiżviluppaw teknoloġija li tinbiegħ lil kumpaniji oħrajn.
Il-Malta Enterprise, il-Malta Digital Innovation Authority u entitajiet oħrajn tal-Gvern qed jimbottaw il-viżibilità ta’ pajjiżna f’fieri lokali u internazzjonali biex startups avvanzati jsiru jafu aktar dwar l-inċentivi u l-ekosistema b’saħħitha li hawn f’Malta.
Il-Business Insider jinnota li, b’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs miljun, Malta diġà għandha 56 start-up jispeċjalizzaw fl-AI. Dawn jammontaw għal start-up għal kull 9,500 ċittadin, waqt li l-Istati Uniti, b’popolazzjoni ta’ 330 miljun, għandha start-up għal kull 14,000 ċittadin.
Ikompli li, waqt li pajjiżna qed jibqa’ jattira barranin sinjuri, bil-passaport Malti s-sena li għaddiet kien ukoll it-tieni l-aktar imfittex mill-Amerikani, il-Gvern Laburista ilu sew jinvesti fl-intelliġenza artifiċjali.
Business Insider innota wkoll kif fl-aħħar snin pajjiżna nieda l-viżjoni tiegħu għas-settur biex isir il-post fejn kumpaniji lokali u barranin jistgħu jiżviluppaw, joħolqu u jittestjaw l-innovazzjonijiet tagħhom u eventwalment jitferrxu minn Malta mal-erbat irjieħ tal-globu.
Wara l-pawża fil-pandemija, Malta issa qed taħdem fuq strateġija ġdida, kif irrapportat minn Bloomberg, u dawk fiċ-ċentru ta’ dan l-impenn ġdid huma ffokati biex jużaw it-teknoloġija b’mod sigur.
Business Insider ikkwota lill-Professur Alexei Dingli mill-Università ta’ Malta jgħid li “l-viżjoni ta’ Malta li tirrikonoxxi l-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali qed tagħtiha l-benefiċċju li tkun leader fl-industrija tal-lum.”