Il-one-stop-shop għan-negozji magħruf bħala Business 1st, li huwa parti mill-aġenzija servizz.gov, se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fl-Awstrija fil-European Enterprise Awardsf’Novembru li ġej. Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew rebaħ il-Premju Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża.
Business 1st twaqqaf f’Ottubru li għadda fl-Imrieħel bil-għan li jservi ta’ one-stop-shopspeċifikament għal sidien ta’ negozji jew għal persuni li jixtiequ jibdew negozju. Bil-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru tnaqqas l-iskariġġ u l-ħin li wieħed joqgħod iterraq minn dipartiment għal ieħor biex iwaqqaf negozju ġdid jew biex jirċievi xi servizz marbut ma’ dan il-qasam. Barra minn hekk, Business 1st qed jagħmel użu minn formoli online u b’hekk il-proċess biex wieħed iwaqqaf negozju ġdid qsar minn tmienja u għoxrin ġurnata għal tlett ijiem.
F’Business 1st, l-imrewħa ta’ servizzi offruti lin-negozji jinsabu taħt saqaf wieħed, b’rappreżentanti minn dipartimenti u entitajiet differenti lesti li jaqdu lis-sidien tan-negozji f’dak kollu li għandhom bżonn. B’hekk in-negozjant jista’ jserraħ moħħu li se jingħata l-assistenza kollha meħtieġa mingħajr ma jkollu għalfejn iżur dipartimenti f’lokalitajiet differenti.
Iċ-ċentru jaħdem fi sħubija attiva li tinvolvi lill-Malta Enterprise, il-GRTU, servizz.gov, il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. S’issa nqdew mas-16,000 klijent minn Business 1st.
Business 1st kien rikonoxxut lokalment għall-ħidma li qed iwettaq u f’Novembru li ġej se jirrappreżenta lil Malta fil-European Enterprise Awards. L-inizjattiva lokali hija marbuta direttament mal-premju Ewropew, tant li għall-kompetizzjoni lokali nżammu l-istess sitt kategoriji li wieħed isib fil-kompetizzjoni Ewropea.
Dawn huma: promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali; investiment fil-ħiliet intraprenditorjali; titjib tal-ambjent kummerċjali; appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju; appoġġ lill-iżvilupp tas-swieq ħodor u effiċjenza tar-riżorsi; u intraprenditorija responsabbli u inklużiva.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li Business 1st, li huwa parti minn servizz.gov, se jkun qed jieħu sehem fil-European Enterprise Awards. Huwa fakkar li f’Novembru li għadda, servizz.gov ġie rikonoxxut meta rebaħ il-premju internazzjonali Service Design Award fis-Service Design Global Conference li saret f’Madrid. Fakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea, permezz tar-rapport eGovernment Benchmark Report 2017, ikklassifikat lil pajjiżna fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dawk li huma servizzi online. Barra minn hekk, Malta kklassifikat fit-tielet post fl-Ewropa fir-rigward ta’ fiduċja fis-servizzi pubbliċi.
Is-Sur Cutajar qal li l-fatt li l-passi kbar ’il quddiem li saru fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar ħames snin qed jiġu rikonoxxuti, jagħti stimulu biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ jiġġedded ħalli jilħaq dejjem livelli ogħla fis-servizzi li jagħti.