- TEŻI TURI LI HEMM IKTAR XI JSIR BIEX L-ANZJANI JUŻAW IT-TRASPORT PUBBLIKU
Għall-anzjani, li jkollhom karozza tal-linja tieqaf viċin id-dar mhix biżżejjed biex jużaw it-trasport pubbliku bħala alternattiva għall-vettura privata. Dan ħareġ minn riċerka ta’ Deborah Mifsud, studenta f’livell ta’ masters li għamlet analiżi dwar it-trasport pubbliku u l-popolazzjoni anzjana.
“Minħabba ż-żieda ta’ anzjani f’Malta kien essenzjali li nara l-effett b’rabta mat-trasport,” qalet Mifsud f’kummenti mal-gazzetta KullĦadd.
F’din it-teżi Ħal Luqa kien użat bħala eżempju u d-destinazzjoni kienet Mater Dei, l-Isptar ġenerali ta’ Malta. Din hija rotta użata ħafna mill-anzjani madwar il-pajjiż, speċjalment biex jieħdu l-kura medika, u dan ir-raħal mhux eċċezzjoni.
F’Ħal Luqa l-anzjani għandhom żvantaġġ fit-trasport, bħalma hi r-realtà bl-anzjani kollha. Mill-popolazzjoni anzjana kien hemm biss 35.5% li għandhom liċenzja. Minn dawn 12.5% tal-irġiel u 35% tan-nisa anzjani b’liċenzja valida ma kellhomx karozza. Għalhekk 66% ta’ dawn l-anzjani jużaw it-trasport pubbliku.
Iżda, l-anzjani xorta waħda huma esposti għall-karozzi u vetturi privati bit-trasport pubbliku jintuża l-iktar mill-ixjeħ fost ix-xjuħ bl-iktar qadjiet ikunu x-xiri u l-kura medika. B’hekk l-istudju juri wkoll li l-mobbiltà tonqos bis-snin.
L-età, il-kundizzjoni tas-saħħa u d-disponibbiltà ta’ karozza kienu t-tliet affarijiet ċentrali li ddeterminaw l-użu tat-trasport pubbliku.
L-aħħar żewġ raġunijiet huma l-iktar raġunijiet li jagħtu dawk li ma jużawx it-trasport pubbliku għad-deċiżjoni tagħhom. “Għalihom li jistennew kwarta, l-iktar, huwa biżejjed meta kien hemm rotot li damu iktar. Ħafna mill-anzjani jridu wkoll iktar sigurtà f’tal-linja,” spjegat Mifsud.
Jirriżulta li d-distanza medja biex wieħed jasal għal bus stop f’Malta hija ta’ 150 metru. Għalkemm fl-istudju li sar f’Ħal Luqa ħafna kienu madwar 200 metru bogħod.
“Meta analizzajt mill-aspett ġeografiku r-riżultat prinċipali kien li l-fatt li jkollok bus stop viċin id-dar tiegħek ma kinetx fattur prinċipali. Dan ifisser li f’Malta hemm fatturi oħra. Xi ħaġa li kienet kuntrastanti ma’ studji barranin fejn iktar ma jkollok bus stop viċin tad-dar iktar tuża t-trasport pubbliku,” qalet Mifsud.
L-iktar li affettwa lir-residenti anzjani, 72%, kien li jdumu jistenew ħafna u li l-bus stops mhumiex adegwati b’ħafna minnhom mhumiex tajbin biżejjed għal kundizzjonijiet tat-temp. Kwistjonijiet oħra huma l-frekwenza ta’ kemm jgħaddu l-karozzi tal-linja.
Fuq kollox l-anzjani qalu li llum kienu lesti jdumu bejn għoxrin u tletin minuta biex jaslu sad-destinazzjoni tagħhom.
“Meta analizzajt ir-rotot li jmorru l-isptar, qabżuhom. Speċjalment fejn kienu jinvolvu interchange,” qalet Mifsud.
Ir-realtà kienet li l-iktar rotta mgħaġġla għall-isptar kellha ħin ta’ 36.7 minuti fl-aqwa ħin u 35.3 minuti fil-ħinijiet mhux daqstant beżlin. Naturalment dawk li jużaw it-trasport provaw rotta bħal din li tasal dirett għax dawk ir-rotot fejn ikollhom jibdlu l-karozza jfissru iktar dewmien, anke għax skont dawk intervistati m’hemmx biżejjed koordinazzjoni bejn ħin u ieħor.
Fuq kollox l-istudju jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom it-titjib tad-disinji tal-bus stops u l-aċċessibbiltà, it-tnaqqis ta’ diffikultajiet li jiffaċċjaw l-anzjani u t-titjib ta’ tagħrif dwar l-ivvjaġġar filwaqt li l-Gvern iniedi iktar inċentivi u politika indirizzati lejn l-anzjani.
Din it-teżi rebħet kompetizzjoni riċenti fl-okkażjoni ta’ 90 anniversarju Multigas u hija bbażata fuq tagħrif tal-2012.