Disa’ vetturi kummerċjali li jaħdmu kompletament bl-elettriku, ser jingħaqdu mal-flotta tal-karozzi kummerċjali tal-kumpanija Burmarrad Commercials.
Dawn il-vetturi ġew inawgurati fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt attività l-Ħamis filgħaxija.
Il-Prim Ministru faħħar bis-sħiħ din il-kumpanija li ħadet l-inizjattiva biex tieħu dan il-pass ‘il quddiem u tibda tuża dawn it-tip ta’ karozzi fit-toroq ta’ Malta għal arja aktar nadifa.
Huwa għamel referenza għall-viżjoni u xewqa li għandha Malta, sabiex inkunu l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li naqilbu kompletament għal vetturi li jaħdmu bl-elettriku.
Qal li bħalissa għaddejjin studji u taħditiet sabiex Malta tkun imħejjija tajjeb qabel u wara din il-bidla.
Sharon Gauci, waħda mid-diretturi tal-kumpanija spjegat li huma ħadu din id-deċiżżjoni sabiex ikunu pass ieħor ’il quddiem sabiex pajjiżna jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea dwar l-emmisjonijiet fl-arja u karozzi li jniġġsu l-arja.
Is-Sinjura Gauci qalet: “Ħadna inizjattiva li nimportaw vetturi li jaħdmu bl-elettriku… Nixtiequ li ir-requiriments tal-Unjoni Ewropea biex jispiċċaw il-vetturi bid-diżil u petrol u jiġu replaced ma’ electric vehicles ngħinu biex isseħħ”.
Is-Sinjura Gauci temmet billi ħeġġet lill-kumpaniji oħra sabiex jieħdu din l-inizjattiva u jdaħħlu mal-flotot tagħhom karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Dan sabiex l-arja f’Malta u Għawdex tkun aktar nadifa u jgawdu minnha wkoll il-ġenerazzjoni futura.
“Jien nħeġġeġ li kumpaniji oħrajn jieħdu din l-inizjattiva u jippruvaw dawn il-vetturi,” hija kompliet tgħid.
Għal din l-inawgurazzjoni attendew ukoll diversi Membri Parlamentari u persuni oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur.