Minkejja li l-President tal-Parlament Ewropew, Robert Metsola, hi Maltija, bureau, li jitmexxa minnha, iddeċieda u qabel li, fil-leġiżlatura li jmiss, il-Malti mhux se jkollu interpretazzjoni għal kull laqgħa li jkollu tal-Parlament Ewropew.
Innota din l-ipokrezija, l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer, permezz ta’ post fuq Facebook, fejn esprima d-diżappunt tiegħu b’rabta ma’ dan.
Qal li minkejja li din kienet xi ħaġa li kienet hekk fl-aħħar leġiżlatura, iżda ppretenda li Metsola, li hi Maltija, kienet se tiddefendi l-ilsien tagħna.
Qal, “Kont konvint li, għax għandna Maltija tmexxi din il-laqgħa, li għall-ewwel darba fil-mandat li ġej, kien se jkollna il-Malti garantit f’kull laqgħa tal-Parlament Ewropew, fl-interpretazzjoni tiegħu. Ħalli aħna nkunu nistgħu nitkellmu bil-Malti, però aktar importanti minn hekk biex dawk il-Maltin, li jifhmu biss il-Malti u jixtiequ jsegwu l-Parlament Ewropew, ikunu jistgħu jsegwu l-Parlament bil-lingwa li jifhmu.”
Engerer elenka l-importanza li kull lingwa tkun ittrattata bl-istess mod. Hu qal li l-Unjoni Ewropea, minflok tgħid li mhemmx biżżejjed interpreti Maltin, għandha tinvesti biex tħajjar aktar Maltin jaħdmu f’dan il-qasam.
Hu semma kif hu ta l-opportunità lil mitt persuna żagħzugħa biex imorru Brussell ħalli jitħajru għall-karriera fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Engerer temm jgħid li hu se jkun qed jivvota kontra dan ir-rapport.