Bulgaru ġarrab ġrieħi gravi wara ħabta bejn mutur karozza fi Triq il-missjoni Taljana, Il-Kalkara. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:00 tal-Erbgħa filgħaxija meta l-Pulizija ġiet infurmata dwar dan.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Honda CB600 misjuq minn Bulgaru ta’ 36 sena, residenti l-Imsida u vettura tat-tip VW Bora misjuqa minn mara ta’ 29 sena residenti l-Kalkara.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.