Friska friska ħarġet mill-baħar b’tank tal-ossiġnu ma’ dahra, b’tyre u borża mimlija skart li din il-ġimgħa flimkien ma’ sħabha rnexxielha tiġbor u tneħħi minn qiegħ il-baħar.
Mikela Borg hija bugħaddasa li regolarment tinżel lejn iż-żona tal-Inwadar f’Marsaskala biex hi u togħdos, tiġbor skart mormi b’mod irresponsabbli.
Borg spjegat: “Illum tellajna ħafna plastik, tellajna xi tyres, flixken tal-ħġieġ, ikun hemm naqra minn kollox. Billi din il-biċċa niġu regolarment, hija pjuttost nadifa però fejn jaħdem il-kurrent jinġema l-ħmieġ minn ġol-bajja.”
It-tindif f’qiegħ il-baħar ma kinitx l-unika attività li saret fil-park tal-Inwadar matul il-jum tas-Sibt.
Hekk kif spiċċa t-tindif skatta t-tħawwil ta’ kważi mitejn siġra tal-Bruka u xitel tax-xurbett.
Is-sit li tul dawn l-aħħar 40 sena ra rimi illegali ta’ skart ta’ kostruzzjoni, illum qiegħed jirrijabilita ruħu biex isir post li jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku, kif spjega ċ-Chairperson tal-proġett, Dr Steve Borg.
Dr Borg stqarr: “Il-proġett ta’ restawr ekoloġiku mad-dawra. Hawnhekk għandek anki, l-park mhux biss naturali imam huwa ta’ wirt storiku. Hawnhekk għandek torri tal-kavallieri tas-seklu sbatax u għandek ukoll sistema ta’ difiża militari tal-Ingliżi tas-snin tletin. Postijiet tal-beraħ fejn tista’ tistrieħ u titpaxxa tara x-xefaq taħtek ftit hawn. Dan huwa wieħed minnhom.”
Preżenti għal dawn l-attivitajiet kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera li rringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom, għax-xogħol imprezzabbli li wettqu.