Bugħaddas Russu ta’ 44 sena tilef ħajtu traġikament wara li sab diffikultà fil-baħar fl-inħawi ta’ Manoel Island, il-Gżira.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar.
Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru minnufih fuq il-post fejn sabu lill-bugħaddas fuq l-art wara li ttella’ mill-baħar minn xi nies li kienu miegħu.
Huwa mill-ewwel beda jingħata l-assistenza medika u ambulanza ħaditu l-isptar għall-aktar kura, iżda sfortunatament, ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.