Bugħaddas Olandiż tilef ħajtu u 17 oħra ġew salvati fiċ-Ċirkewwa, wara operazzjoni ta’ salvataġġ, fiż-żona ta’ Rożi fiċ-Ċirkewwa, wara li sabu ruħhom f’diffikultà meta kienu fil-baħar.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-siegħa u għoxrin ta’ waranofsinhar.
Il-Pulizija flimkien ma’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru immedjatament fuq il-post, fejn erbgħa minnhom irnexxielhom jitilgħu l-art waħidhom.
Fuq il-post issejħu diversi timijiet mediċi biex jassistu, fejn erbat irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Wieħed minnhom sfortuntament ġie ċċertifikat mejjet ftit wara, filwaqt li l-kundizzjoni tal-oħrajn għadha pendenti.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin.