Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, qal li l-Budget għas-sena d-dieħla huwa wieħed tajjeb, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li sar f’sena ta’ sfidi kbar.
Ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, Paul Abela elenka diversi miżuri li l-Kamra laqgħet b’mod pożittiv u semma l-importanza li l-ekonomija tkompli tikber.
B’dan kollu fl-isfond, is-Sur Abela jemmen li s-sitwazzjoni fis-sena d-dieħla se tkun pożittiva.
Nisimgħu l-kumment ta’ Paul Abela.
Qal, “L-ewwel nett, il-Budget ta’ din is-sena qed isir f’sena ta’ sfida kbira. Kieku l-Gvern ma tax is-sussidju tal-elettriku u tal-gass ma kienx ikun possibbli li jsir dal-Budget u aħna fis-sitwazzjoni, naħsbu li dal-budget huwa budget tajjeb u l-iktar li aħna bħala Chamber of SMEs li ħadna pożittiva hija ż-żieda tal-kera għal min jikri l-imħażen u l-iktar importanti wkoll hija li ċ-ċens, li min għandu ċens tal-Gvern barra l-Belt, kienet għall-Belt biss, issa ġiet għal Malta kollha u Għawdex u dak se jikkonverti ruħu li jekk ikollok kera mal-Gvern, se tiġi għal 45 sena u din il-miżura, ħa tagħti investiment kbir lin-negozji li jridu jinvestu fin-negozju tagħhom u l-iktar ħaġa importanti wkoll hija li l-GDP se jkun ta’ 4%. Aħna l-iktar importanti f’dal-pajjiż li l-ekonomija tkompli tikber. X’ħin ma tikbirx ikollna l-problemi. L-ekonomija se tkompli tikber, nisperaw li l-konsum jibqa’ għaddej, u aħna fiduċjużi li s-sitwazzjoni 2023 tkun sena pożittiva.”