Dan il-budget huwa wieħed ta’ impenn favur is-settur kulturali u kreattiv u l-ħidma tal-gvernijiet lokali. Hekk stqarr il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera, li spjega kif dan kien budget ta’ kontinwità u li jindirizza l-isfidi preżenti minħabba l-pandemija b’mod tanġibbli. Dan hekk kif il-budget ħaseb ukoll fl-artisti u dawk kollha li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv.
Spjega kif fil-budget rajna żieda ta’ madwar miljun ewro fil-voti kapitali u kurrenti ta’ Heritage Malta u dawn ser imorru b’mod dirett fir-restawr u titjib fl-esperjenza tal-mużewijiet f’pajjiżna. Laqa’ wkoll iż-żieda fil-fondi allokati għas-sovraintendenza għall-Wirt Kulturali.
Fil-fatt dawn il-fondi se jiżdiedu b’36%, b’valur ta’ erba’ mitt elf ewro. Dawn il-fondi ser ikunu qed joffru aktar għodda u riżorsi sabiex ikun ippriservat il-patrimonju lokali. Dan filwaqt li l-budget għas-sena d-dieħla jinkludi fih ukoll l-investiment li hemm bżonn sabiex jitkompla x-xogħol mid-direttorat tar-restawr, inkluż il-ħidma mal-Fondazzjoni Kottonera.
Il-Ministru Herrera spjega wkoll kif is-sena d-dieħla ser tkun qed titkompla l-ħidma sabiex jitwettaq il-proġett tal-Arkivju Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Huwa spjega wkoll kif dan il-budget jalloka tnejn u tletin miljun ewro għall-programmi u inizjattivi ta’ finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti u għall-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi tagħha. Dan ifisser żieda ta’ 13% fuq din is-sena. Għall-programmi ta’ finanzjamnt tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-sena d-dieħla ġew allokati tlieta punt erba’ miljun ewro b’allokazzjoni diretta ta’ miljun ewro f’fond ġdid ta’ għajnuna diretta għall-kultura f’dan iż-żmien tal-pandemija. Semma wkoll it-tliet miljun u nofs ewro allokati għal proġetti kulturali fil-Belt Valletta bħala parti mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Kapitali. Dan filwaqt li ser ikunu investiti żewġ miljun ewro f’sala għall-kunċerti mgħammra sabiex tindirizza l-bżonnijiet attwali tas-settur.
Stqarr li l-Gvern ser ikun qed jara kif l-industrija kulturali u kreattiva tirkupra u tavvanza b’saħħitha l-quddiem: “Li huwa importanti issa illi l-Ministeru jgħaraf kif jutilizza dawn il-fondi. Aħna ovvjament ħa jkollna politika li hija diretta biex il-flejjes li għandna din id-darba, nużawhom biex insostnu l-industrija tal-arti kreattiva.”
Il-Ministru Herrera stqarr ukoll kif il-Budget għas-sena d-dieħla juri kemm il-Gvernijiet lokali huma għal qalb dan il-Gvern hekk kif in-nefqa fil-kunsilli lokali żdiedet b’żewġ miljun u nofs ewro. B’hekk in-nefqa totali taqbeż it-tnejn u ħamsin miljun ewro. Huwa ħabbar ukoll kif parti minn dawn il-fondi ser jintużaw għal proċess ta’ diġitalizazzjoni fil-kunsilli u r-reġjuni. Dan b’għajnuna wkoll mill-Kummissjoni Ewropea.