Fi żmien ta’ sfida kbira għad-dinja kollha, il-Maltin affaċċjaw bi kburija dan ix-xokk li ma kienx mistenni. Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela f’artiklu f’‘The Malta Indpendent’ fejn stqarr li f’dan iż-żmien tant diffiċli, min iħaddem baqa’ reżiljenti, u l-ħaddiema kienu ta’ appoġġ għal min iħaddem. Dan filwaqt li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati ħarġu b’ideat fattibli u soluzzjonijiet malajr.
Huwa nnota kif minħabba l-ekonomija b’saħħitha pajjiżna kellu r-riżorsi u kien lest għal dan iż-żmien. Fil-fatt l-iskema tal-għajnuna tal-Gvern fil-pagi salvat nofs l-impjiegi fis-settur privat, filwaqt li l-vouchers għamlu tajjeb għan-nuqqas ta’ infiq mit-turisti f’pajjiżna. Dan apparti li r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet tonqos ġimgħa wara ġimgħa.
Il-Prim Ministru Abela stqarr li l-budget huwa denju għal nazzjon kburi li rnexxielu jibqa’ sod quddiem l-ikbar sfida u li jrid itejjeb il-futur. Stqarr li Gvern Nazzjonalista lura fl-2009 fi żmien ta’ riċessjoni, kien naqqas l-investiment pubbliku bin-nofs. Madankollu, dan il-Gvern f’dan iż-żmien ta’ pandemija se jkompli jinvesti ħafna iktar. Stqarr li għaxar snin ilu l-awsterità kienet sinjal ta’ prudenza, illum l-awsterità hija sinjal ta’ falliment u ta’ Gvern li ma jemminx fil-familji u n-negozji ta’ dan il-pajjiż. Huwa temm jgħid li l-kwalità tal-ħajja tajba, l-ugwaljanza u l-iżvilupp uman issa se jkunu parti integrali mill-viżjoni ta’ dan il-Gvern.
F’artiklu fuq ‘The Sunday Times of Malta’ mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela stqarret li il-pandemija laqtet bl-aktar mod lill-ħaddiema nisa hekk kif sa ftit tal-jiem qabel kien tħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika f’Ġunju, in-numru ta’ nisa li jirreġistraw għax-xogħol kien tela’ sa tliet darbiet u nofs aktar mis-soltu. Stqarret li dan huwa fenomenu globali hekk kif rapport min-nazzjonijiet magħquda juri kif il-pandemija se titfa’ miljuni ta’ nisa fil-faqar minħabba t-tip ta’ xogħol li jagħmlu.
Għalhekk spjegat li huwa kruċjali li dan ma jseħħx f’pajjiżna, u jidher li l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika għamel ħafna għal dan il-għan, hekk kif nofs in-nisa li kienu bla xogħol f’Ġunju issa reġgħu jinsabu impjegati. Dan filwaqt li l-vouchers għenu sabiex mijiet ta’ nisa jerġgħu jiksbu l-indipendenza ekonomika tagħhom.
Hija laqgħet il-budget għas-sena d-dieħla mħabbar mill-Gvern hekk kif permezz ta’ bosta miżuri f’dan il-budget qed ikunu ssalvagwardjati l-kisbiet kbar li għamlet il-mara fl-aħħar snin. Fost l-oħrajn semmiet il-miżuri taż-żieda fic-childrens’ allowance, iż-żieda fl-in-work benefit u t-titjib fir-rifużjoni tat-taxxa. Dan filwaqt li l-fatt li l-iskejjel reġgħu qed jilgħqu l-istudenti qed iwassal sabiex il-mara tista’ tirritorna lura għal-ħinijiet tax-xogħol normali.
Semmiet ukoll kif għall-ewwel darba nisa li kienu jħallsu l-bolla meta kellhom bejn sittax u dsatax-il sena u li għal xi raġuni arkajka ma kienux jikkwalifikaw għal pensjoni, issa ser ikunu qed jirċievu l-pensjoni wkoll.
Dr. Abela temmet tiddeskrivi dan il-budget bħala wieħed progressiv u li jawgura tajjeb sabiex wara l-pandemija pajjiżna jkollu futur aħjar.