“Dan il-budget huwa parti minn pjan ċar u strateġija komprensiva tal-Gvern. Dak il-pjan huwa l-manifest elettorali tagħna, u l-budget ta’ kull sena huwa l-pjan ta’ twettiq tal-manifest elettorali”.
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu f’Kastilja mumenti wara li fil-Parlament ġie ppreżentat il-budget għall-2020.
Bid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi fuq ix-xellug u l-lemin tiegħu, il-Prim Ministru nnota li l-pjan ta’ twettiq huwa mibni fuq tliet pilastri ewlenin.
Spjega kif il-170 miżura tal-budget huma mmirati biex jippremjaw il-bżulija tal-familji, jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn, u jixprunaw is-sostenibbiltà.
Filwaqt li elenka bosta miżuri li se jagħmlu dan, Dr. Muscat semma lill-anzjani.
Siegħa biss wara li sar magħruf li l-anzjani ngħataw l-akbar żieda fil-pensjoni tagħhom f’dawn l-aħħar 40 sena, il-Prim Ministru wegħedhom li s-sena d-dieħla wkoll se jiżdiedu l-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat sostna “Aħna kburin li għall-ħames sena wara l-oħra, żidna lill-anzjani tagħna, u llum kif il-linka fuq il-baġit għadha ma nixfitx, nista’ nwiegħdhom lill-anzjani tagħna li jekk nibqgħu mexjin kif aħna, is-sena d-dieħla wkoll se nerġgħu nżiduhom lill-pensjonanti tagħna għax hekk jixirqilhom wara snin ta’ friża minn Gvernijiet ta’ qabel.”
Dr. Muscat irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq il-budget – lit-tim magħqud tal-Kabinett u l-Grupp Parlamentari – li permezz tiegħu sar possibbli dak li ħaddieħor kien jaqta’ qalbu li jagħmel.
“Bis-surpluses kollha li qed nagħmlu sena wara l-oħra, bil-fatt li n-nies f’ħafna pajjiżi Ewropej kienu jkunu kuntenti kieku l-Ministru Scicluna waqaf bil-budget wara l-ewwel erba’ faċċati fejn qal li mhux ħa jkun hemm taxxi. Min jaf kemm hemm popli jgħidu biżżejjed ma tagħmlilniex taxxi”, tenna l-Prim Ministru.
Dr. Muscat irrimarka wkoll li dan il-budget – li reġa’ ma introduċa l-ebda taxxa – huwa budget ta’ nofs leġiżlatura, u se jibni fuq ta’ qablu biex ilesti lil Malta għall-futur, u jilqa’ għal problemi internazzjonali li jistgħu jinqalgħu.
Il-Prim Ministru kompla jispjega kif “M’hemmx elezzjonijiet ġejjin, fadal għall-elezzjoni ġenerali, huwa budget ta’ nofs il-leġislatura, taħt Gvernijiet oħra dawn kienu jkunu budgets tas-swat li titfa’ dak li tista’ negattiv. Dal-Gvern m’għandux negattiv x’jitfa’, jista’ jitfa’ biss pożittiv.”
Meta temm id-diskors tiegħu f’Kastilja, il-Prim Ministru wieġeb b’mod skjett meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk dan huwhiex l-aħħar budget tiegħu.
Meta mistoqsi jekk dsn huwiex se jkun l-aħħar budget il-Prim Minsitru wieġeb: “No. Jiġifieri jekk taħseb li qassamna ħafna issa għax dan l-aħħar wieħed, trid tara li ġej.”