“Qalulna li tlifna r-ruħ soċjali. F’dan il-Budget tajna risposta.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt attività politika ta’ kull nhar ta’ Ħadd li saret fir-Rabat Għawdex b’konformità mad-direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Prim Ministru qal hekk b’reazzjoni għall-Budget li ħabbar il-Gvern fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet u li huwa r-raba wieħed f’9 xhur. Hawn fakkar kif 11-il sena ilu f’ċirkostanzi ferm aktar faċli taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, in-nies kellhom jerfgħu l-piż tal-pajjiż.
Illum, il-poplu qed igawdi u l-Gvern qed jerfa’ l-piż.
Il-Prim Ministru Abela stqarr: “Ejja ħa nfakkru biss x’kellna 11-il sena ilu, mhux wisq żmien ilu f’ċirkostanza ħafna eħfef minn tal-lum. Dakinhar il-piż inxteħet fuqkhom, inxteħet fuqna bħala poplu. Illum f’ċirkostanza ħafna iktar diffiċli l-piż refgħu l-Gvern.”
Il-Prim Ministru elenka ħemel ta’ miżuri li ħabbar il-Gvern fil-Budget għas-sena d-dieħla li jindirizzaw l-isfidi tal-pandemija.
Fost oħrajn semma r-rawnd ieħor ta’ vouchers, miżura li waħedha se tiswa €50 miljun u l-Covid Wage Supplement li hemm riserva biżżejjed għaliha biex tiġi estiża anke wara l-Marzu li ġej. Miżuri li mhux biss jaħsbu għaċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa iżda anke għas-sostenibbiltà tal-ekonomija għall-futur fil-qrib.
Il-Prim Ministru sostna kif il-Gvern seta’ jagħmel dan kollu u jerfa’ l-piż tal-pajjiż għaliex dejjem ħadem b’għaqal u galbu, mhux biss tul il-pandemija iżda anke fl-aħħar 7 snin.
B’hekk seta’ jinċentiva l-fiduċja fl-ekonomija u mhux iħalli l-biża tirrenja fil-pajjiż.
B’differenza għall-Gvern, il-Prim Ministru rrimarka n-nuqqas ta’ preparazzjoni li qed jidher fiċ-ċar fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Dan ifisser responsabbiltà akbar għall-Gvern biex jibqa’ jmexxi l-pajjiż fid-direzzjoni t-tajba.
Dr. Abela sostna: “Is-soluzzjoni għall-Covid. Skont hu dik is-soluzzjoni tinsab f’li tagħmel kumitat. Kumitat li jiddeċiedi li ma jiddeċiedi qatt.”
Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-ħidma kruċjali tal-Gvern fl-ogħla livelli Ewropej biex Malta tkun minn tal-ewwel li tingħata l-vaċċin malli dan ikun disponibbli.
Dan b’differenza għal żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti fejn fih pajjiżna kien ikollu problema kbira bil-mediċini out of stock.
Il-Prim Ministru saħaq: “Immaġinaw kieku llum hemm il-Gvern tal-mediċini out of stock. Minflok aħna għandna l-Chris Fearne li forsi ma tafuwiex din li f’Marzu li għadda kien katalista fuq livell Ewropew biex aħna jkollna l-vaċċin minn tal-ewwel. Dik id-differenza.”
Minkejja din il-ħidma tal-Gvern, il-Prim Ministru sostna l-importanza tad-dixxiplina, li hija riflessa fl-aħħar miżuri li tħabbru b’rabta mal-pandemija u li sfortunatament mhux dejjem jiġu mħarsa.
Dr. Abela tenna: “Xi ħaġa li ma nifhimiex. Li nagħmlu restrizzjoni ħa nsemmi waħda mid-diversi li għamilna. Fuq l-għeluq tal-ħinijiet tal-bars imbagħad ikollok min wara l-ħin tal-għeluq flok imur jinġabar f’daru jikkongrega f’bajja, f’massa. Jiddispjaċini l-messaġġ mhuwiex qed jasal allura tar-responsabbiltà li għandu kull wieħed u waħda minnha tas-serjetà tas-sitwazzjoni.”
Ma naqasx ukoll li waqt li kien f’Għawdex, il-Prim Ministru jenfasizza l-importanza li dan il-Gvern jagħti lil Għawdex. Dan qed ikun rifless fl-investimenti li qed isiru f’din il-gżira, biex mit-tkabbir ekonomiku jinħoloq aktar ġid lill-Għawdxin.
Huwa qal: “Għawdex li joffri opportunitajiet biex iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom il-futur tagħhom f’Għawdex. Ikollhom l-għażla li mhux bilfors iridu jinżlu Malta għall-opportunità tagħhom imma li Għawdex joffri l-istess opportunitajiet li tagħti Malta.”
Dwar dan tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo, li spjega miżuri fil-Budget għas-sena d-dieħla li se jolqtu direttament lil Għawdex. Fosthom skema ta’ sapport promozzjonali lill-intrapriżi Għawdxin li jimirħu fis-settur diġitali, hub ta’ innovazzjoni fix-Xewkija u proġett ta’ realtà virtwali fiċ-Ċittadella.
Il-Prim Ministru temm jispjega li anke matul il-ġimgħa d-dieħla, il-Gvern imexxi minnu ser ikun qed jespandi l-viżjoni tiegħu għall-10 snin li ġejjin.
Dr. Abela temm jgħid: “Nhar it-Tlieta se nkomplu nespandu fuq il-viżjoni li għandna għall-10 snin li ġejjin. Dik hija li-viżjoni li għandna – l-10 snin li ġejjin. Li nwegħedkhom ħafna u ħafna iktar ħidma, ħafna u ħafna iżjed impenn, ħafna u ħafna iżjed dedikazzjoni. Dak li qed jitlob il-pajjiż minnha.”
Il-Prim Ministru appella: “Ħbieb tiegħi ejja ħa nimxu ‘l quddiem. Għandna xhur diffiċli. Se nuru kemm verament aħna b’saħħitna, iffukati, il-poplu tal-George Cross, il-poplu li fl-akbar mument ta’ sfida se juri l-kwalitajiet tiegħu.”