Il-Budget imħabbar għall-elfejn u tmintax mhux biss jaħseb fil-preżent iżda jlesti lill-Malta għall-Futur. Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara d-diskors tal-Budget. Il-Prim Ministru tenna li l-miżuri mħabbra huma kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Gvern fl-aħħar erba’ snin.
Fir-reazzjoni tiegħu, il-Prim Ministru qal li normalment il-familji u l-kollegi fuq ix-xogħol, jum wara il-budget, jibdew jagħmlu l-kalkoli u jqabblu l-ammont ta’ flus li jridu jibdew joħorġu mal-ammont ta’ flus li issa se jkunu f’buthom. Iżda din is-sena, il-Prim Ministru tenna li l-poplu m’għandux kalkoli x’jagħmel.
B’dan il-budget huwa t-tweġiba għall-poplu Malti u Għawdxi ta’ fejn qed imur is-surplus. Budget li għall-ewwel darba fl-istorja riċenti ma fih ebda taxxa ġdida u lanqas żieda f’taxxi direttir jew indiretti.
Il-Prim Ministru qal li l-budget għall-elfejn u tmintax qed jagħti lura l-fiduċja li ta l-poplu meta għażel il-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Dan hekk kif sa mill-ewwel budget fit-tieni leġiżlatura ta’ dan il-Gvern se jkunu qegħdin jitwettqu l-miżuri li għalihom vvotaw il-Maltin u l-Għawdxin.
Fost il-miżuri ewlenin li semma’ l-Prim Ministru kien hemm iż-żieda ta’ ġurnata leave oħra mis-sena d-dieħla bl-għan li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin jibdew igawdu aktar ħin mal-familja tagħhom, it-tnaqqis fuq it-taxxa tax-xogħol b’kull min jaqla’ anqas minn 60,000 ewro se jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa b’cekk u dik ta’ żieda ta’ żewġ ewro oħra għal pensjonanti kollha – dan minbarra ż-żieda ta’ ewro u ħamsa u sebgħin ewro fil-ġimgħa bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Dr Muscat saħaq li l-miżuri tal-baġit juru kif is-surplus, ir-riżultati ekonomiċi pożittivi li rnexxielu jikseb pajjiżna u l-pjan sostenibbli tal-Gvern waslu l-budget ikun jista’ jiffaċċja l-problemi tal-preżent filwaqt li jlesti għall-futur. Futur li fost oħrajn qed jimmira li jerġa’ jinkiseb surplus.