L-għada li fil-Parlament inqara d-diskors tal-Budget għall-2022, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità ħareġet stqarrija b’reazzjoni għal bosta miżuri kruċjali li ġew imħabbra u li se jolqtu b’mod pożittiv li dan is-settur.
Fost il-miżuri li semmiet il-Kummissjoni hemm il-vawċers għal Occupational Therapy, tijtib fl-iskema dwar eżenzjonijiet/traħħis relatati ma’ vetturi għal persuni b’diżabilità, tneħħija tat-test tal-mezzi tad-dħul fl-assistenza għal diżabilità sever u żidiet fl-allowances għal tfal b’diżabilità jew familjari li jieħdu ħsieb adulti b’diżabilità.
Għal dan il-Kummissjoni, bl-aktar mod ċar qalet li dawn il-miżuri huma meħuda sabiex il-ħajja tal-persuni b’diżabilità tkompli titjieb.
L-istqarrija żiedet tgħid li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kellha rwol importanti sabiex dawn il-proposti tressqu ’l quddiem u ġew aċċettati bħala miżuri għal Baġit 2022 u saħqet li dawn il-miżuri irid ikollhom l-iskop aħħari li jwasslu għal għixien indipendenti.
Intant dawn il-miżuri u oħrajn huma msejsa fl-Istrateġija Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità 2021 – 2030.